Tingħata l-għarfien ewlieni biex tirrapreżenta professjonisti ma’ Steward Health Care


  July 30, 2019 2:03 pm

 

Il-UĦM Voice of the Workers illum ingħatat l-għarfien ewlieni tal-Allied Health Professionals u Dieticians li jaħdmu direttament ma’ Steward Health Care.

Dan seħħ wara laqgħa li saret għand id-Direttur għax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER). Għaliha attendew Gian Paul Gauci, Assistent Direttur u Mario Sacco, Employment Relations Senior Manager fi ħdan UĦM Voice of the Workers. Irriżulta li aktar minn 80 fil-mija ta’ dawn il-professjonisti fdaw f’din il-union sabiex tirrapreżentahom u iġġibilhom kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.

Il-UĦM Voice of the Workers ukoll talbet għall-għarfien sħiħ tal-Allied Health Professionals impjegati mal-Gvern.

Gian Paul Gauci qal li  t-tema fil-proċess tal-għarfien għal din il-kategorija ta’ ħaddiema hi  “Jien ħaqqni aħjar”. Hu saħaq li dawn il-ħaddiema ma jistgħux jibqgħu jiġu trattati differenti minn professjonijiet oħrajn.

L-Assistent Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li  l-Union se tkun qed tinsisti u tinnegozja kundizzjonijiet xierqa għal dawn il-professjonisti li jirriflettu r-responsabbiltà kif ukoll l-istatus ta’ dawn il-ħaddiema.

L-ewwel pass li l-union se tagħmel huwa li tisħaq biex  il-professjonisti impjegati ma’ Steward isiru ħaddiema tal-Gvern; il-UĦM  Voice of the Workers se tkun qed tinsisti biex dawn il-professjonisti jingħataw l-istess kundizzjonijiet bħal ħaddiema sħabhom impjegati mal-Gvern li jagħmlu l-istess xogħol, huma reġistrati fl-istess professjoni u saħansitra jaħdmu flimkien fl-istess sala.

Barra minn hekk, din il-union se tistinka sabiex jingħalaq il-proċess tal-għarfien tal-Allied Health Professionals kollha impjegati mal-Gvern ħalli jsiru n-negozjati kollha neċessarji għal dawn il-professjonisti u b’hekk tabilħaqq jiġu trattati ta’ professjonisti.