Pajjiżna qed jgħajjat b’leħen wieħed – Ġustizzja


  November 29, 2019 8:06 pm

Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, kien wieħed mill-kelliema waqt protesta oħra organizzata minn Occupy Justice, Repubblika u Manueldelia.com fi Pjazza Kastilja, il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru 2019. Id-diskors ta’ Josef Vella hu kif ġej:-______________________________________________________________________________”

Dan kollu li qed jiġri f’pajjiżna huwa bla preċedenti.

Għajjejna nsegwu storja wara l-oħra, kriżi wara l-oħra,

Rajna l-istejjer tal-Cafè Premier, Electrogas, Vitals, Zekka, Pilatus Bank, SOCAR, 17 Black, Hearnville, Tillgate, il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Din il-ġimgħa kienet karatterizzata minn stejjer ta’ nies allegatament involuti fil-pjan tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Din il-ġimgħa rajna riżenji ta’ Chief-of-Staff, Ministru u awto-sospensjoni ta’ Ministru.

Sirna pajjiż karatterizzat minn kriżi wara l-oħra

Pajjiżna qiegħed  fil-lenti ta’ pajjiżi barranin:

Die Welt: The last days have shown Malta is a mafia state, a shame for Europe.

Times of London: Malta – an  island of corruption.

L-Unjoni Ewropea qed tgħid li ħa tibgħat missjoni speċjali biex issegwi x’qed jiġri f’Malta.

L-UE tista’ tieħu sanzjonijiet kontriha.

Il-pajjiż qiegħed għarkopptejh…..fl-intervista li tajt lil Daphne Caruana Galizia fid-9 ta’ Marzu 2016 jiena sħaqt li tiela’ sħab iswed, qed jinġema’ sħab iswed fuq pajjiżna.

Għaddew tliet snin u l-Gvern m’għamel xejn biex dan is-sħab ma jitħalliex jagħqad u llum qegħdin hawn f’nofs l-iktar maltempata ta’ kriżi nazzjonali.

Illum l-imsieħba soċjali flimkien vuċi waħda talbu sabiex nhar it-Tnejn li ġej jiġi pospost il-business breakfast rigward il-produttività u minflok tissejjaħ laqgħa urġenti tal-MCESD sabiex tiġi trattata materja ta’ kriżi nazzjonali.

L-effett ta’ din il-kriżi nazzjonali huwa kbir. Qed jintlaqtu n-negozji ż-żgħar, l-industrija wkoll qed tħoss l-effett ta’ l-istaġnar li din il-kriżi ġabet magħha, qed tintlaqat l-ekonomija kollha. Iżda mhux dan biss qed tintlaqat s-soċjetà tagħna li tinsab inkwetata, eżawrita, eżasperata u ma tiflaħx iżjed tgħix minn kriżi għal oħra.

Huwa dnub li l-ħidma sfiqa li ssir mill-ħaddiem, minn dawk li jħaddmu, mis-soċjetà ċivili u anki mill-istess Gvern qed issir suf. Dak li bnejna flimkien qed tkissru sur Gvern, b’kriżi wara l-oħra.

Dalgħodu l-Qrati tagħna poġġew lill-eks Ministri u lill-Ministru tal-Finanzi taħt inkjesta kriminali, inkjesta maġisterjali. Jista’ l-Ministru tal-Finanzi ta’ pajjiż fl-Unjoni Ewropea jibqa’ Ministru fid-dawl li qiegħed taħt inkjesta maġisterjali?

Issa daħlet moda ġdida. Nirriżenja jekk il-Qorti jsibni ħati. Sinjuri, jekk il-Qorti jsibek ħati tmur il-ħabs u mhux tikteb ir-riżenja tiegħek.  Jekk tinstab ħati awtomatikament titlef postok. M’għandekx għalfejn tirriżenja. Allura x’qegħdin ngħidu li ma tirriżenja qatt? Dan mhux dak li jiġri lill-ħaddiema tagħna li meta jkunu taħt allegazzjoni li wettqu mġieba ħażina, jiġu sospiżi sakemm issir investigazzjoni u proċedura tad-dixxiplina. Iżda waqt li l-ħaddiema qed jagħmlu dan, il-kbarat ta’ dan il-pajjiż qed jiddeċiedu li taħt l-ebda ċirkostanza m’għandhom jagħtu r-riżenja tagħhom. U għaldaqstant il-UĦM qed  titlob li fid-dawl ta’ dak li ġara dalgħodu fil-Qorti tagħna, il-Ministru tal-Finanzi għandu jirriżenja minnufih.

Agħti eżempju u timbuttax iżjed lil dan il-poplu fil-preċipizju tar-rabja. Bħala politiċi u bħala Gvern għandek ir-responsabbiltà morali u eżekuttiva mhux li tikkontrolla r-rabja fil-forzi tal-ordni, iżda li tikkontrolla r-rabja billi tagħmel dak li hu sewwa u ġust fil-ħin u f’waqtu. Grazzi lill-forzi tal-ordni tax-xogħol tagħhom iżda lill-Gvern ngħidlu tinħebiex wara l-forzi tal-ordni. Kun int li tieħu r-riedni f’idejk sabiex tevita li dan il-pajjiż jispiċċa fi gwerra ċivili.

Lill-Gvern ngħidlu issa għandek sitwazzjoni fejn permezz tal-Kawża Ċivili Kap tal-Oppożizzjoni vs Gvern ta’ Malta sabiex l-isptarijiet jerġgħu jiġu lura għand il-poplu Malti. Issa llum għandek tliet ministri tiegħek li qegħdin taħt inkjesta kriminali. Waqqaf l-emorarġija ISSA, waqqaf lil Steward. Ħu lura f’idejk u agħti lura l-isptarijiet tagħna lill-Maltin. Taf li dan il-kuntratt huwa ta’ 7,000,000,000 ewro. Sinjuri ma nafs tafux iżda b’7,000,000,000 ewro konna nibnu 10 sptarijiet tal-Mater Dei. U dawn s’issa kulma bnew hija skola għal studenti barranin u mhux għas-servizz pubbliku.

Fl-istess ħin, waqt li qed nagħtu miljuni, fl-istess waqt li VGH ħarbu minn pajjiżna u ħallew ħofra ta’ 55 miljun f’dejn. Għandna l-isptar Monte Karmeli li qed jaqa’, litteralment jaqa’. Tajna flusna lill-barrani u lil ħutna li għandhom bżonn ta’ kura mentali ħallejnihom fi sptar li qed jaqa’. Nafu li mill-estimi hemm 60 miljun ewro li ma nafux fejn marru. Nafu li din is-sena se terġa’ tgħaddi 70 miljuni oħra iżda nafu wkoll bħala union li l-ħaddiema ta’ Steward qed jitħallsu inqas minn sħabhom impjegati taċ-Ċivil li jaħdmu spalla ma’ spalla magħhom. Dan ġej minnek, sur Gvern, li għidt fl-aħħar budget li temmen fil-prinċipju li kulħadd għandu jitħallas ugwali għal xogħol ugwali.

Din il-union, il-UĦM, hija tassew vuċi tal-ħaddiema u f’dan  il-mument hija vuċi ta’ poplu, vuċi li qed tgħidlek sabiex dawn il-ħaddiema għandhom immedjetament jsibu ruħhom fis-servizz pubbliku.

Sinjuri, pajjiżna qed iseħilna…..ħnaqnih lil dan il-pajjiż iseħilna. Ħnaqniha lil din il-Malta tagħna tgħajjat għall-ajjut, tibki sabiex insalvawha minn dan il-wied tad-dmugħ li tfajniha fih.

Dan pajjiżna li qed jgħajjat sabiex inżommu l-kalma iżda qed jgħajjat ukoll b’leħen wieħed……Ġustizzja, Ġustizzja, Ġustizzja.

Dan li qed  jiġri llum mhux it-tmiem iżda forsi huwa l-bidu tat-tmiem. Għalhekk intenni l-appell li għamlet il-UĦM din il-ġimgħa biex tkunu lesti ….stand up to be counted.

  • Stand up to be counted…. Lill-Membri Parlamentari ta’ rieda tajba li jġibu l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox;
  • Stand up to be counted….lill-istituzzjonijiet nazzjonali biex bla biża’ u favuri jaqdu dmirijiethom fl-interess nazzjonali;
  • Stand up to be counted….lill-korpi kostitwiti sabiex isemmgħu leħinhom fl-interess nazzjonali għan-nom tal-membri tagħhom;
  • Il-UĦM tisħaq Stand up to be counted….lill-ħaddiema u lill-poplu b’mod ġenerali f’dan il-mument fejn pajjiżna qed isejħilkom u nżommu quddiem għajnejna li Malta l-ewwel u qabel kollox.