Sospiżi l-azzjonijiet industrijali tal-Environmental Health Officers għal ġimgħa


  February 13, 2020 9:47 am

Bħala turija ta’ rieda tajba, il-UĦM Voice of the Workers, dalgħodu, issospendiet l-azzjonijiet industrijali tal-Environmental Health Officers.

L-azzjonijiet daħħlu fis-seħħ wara li l-Gvern kien ilu jkaxkar saqajh fir-rigward tal-Ftehim Settorali l-ġdid tal-istess professjoni. Apparti minn hekk, l-Gvern kien waqqaf id-dritt li dawn il-ħaddiema, wara l-ħin tax-xogħol tagħhom, jaħdmu part-time lura fl-2017. Filwaqt li l-UĦM kienet ħarġet bi proposti sabiex jinstab żblokk fuq iż-żewġ kwistjonijiet, il-Gvern naqas milli jwieġeb fuq dawn.

Intant, it-Tlieta 11 ta’ Frar 2020 saret laqgħa mal-Ministeru tas-Saħħa fejn ġiet diskussa t-triq ’il quddiem u b’sens ta’ rieda tajba, il-UĦM issospendiet l-azzjonijiet industrijali għall-ġimgħa u dan sabiex tagħti ċans lill-Gvern sabiex jikteb bil-miktub li lest jilqa’ deċiżjoni ta’ team tekniku magħmul miż-żewġ naħat sabiex jinstab żblokk rigward il-Part-Time.

Jekk il-Gvern jonqos li jikteb bil-miktub ir-rieda tiegħu sa nhar it-Tlieta, 18 ta’ Frar 2020, l-azzjonijiet se jissoktaw. Fost dawn l-azzjonijiet, dawn l-ispetturi mhux se jkunu qegħdin japprovaw l-ebda importazzjoni ta’ ikel, laħam jew ħxejjex li jistgħu jiġu kkunsmati.

Għaldaqstant, din il-Union tispera li s-sens komun jirbaħ u li l-Gvern jibgħat ir-rieda tiegħu bil-miktub sa nhar it-Tlieta u mhux ikompli jkaxkar saqajh bħal ma għamel f’dawn l-aħħar xhur.