Leave ta’ Kwarantina għall-ħaddiema pożittivi għall-Covid-19


  August 27, 2020 1:18 pm



Il-UĦM Voice of the Workers tinsab iddiżapuntata li l-Gvern għadu ma ħariġx proċedura ċara fuq il-leave ta’ kwarantina għall-persuni li jinsabu pożittivi għall-Covid-19.

Din il-Unjin irċiviet diversi ilmenti minn ħaddiema li jinsabu pożittivi għall-virus u li qed jiġu nfurmati li dawn il-ġranet barra mix-xogħol se jinqataw mill-leave għall-mard (sick leave). Il-UĦM Voice of the Workers tinsab ukoll infurmata li hemm każijiet fejn l-ħaddiema huma unsymtomatic li qed ikomplu bix-xogħol tagħhom mid-dar.

Fid-dawl li l-impegati li huma pożittivi, qed jirċievu notifika ta’ kwarantina mandatorja mis-Superintendent għas-Saħħa Pubblika li ġġorr multa ta’ €10,000 kull darba li persuna ma tosservax dan l-obbligu, l-UĦM Voice of the Workers qed tesiġi li dan il-leave jiġi kkunsidrat bħala leave ta’ kwarantina bi ħlas.

Il-UĦM Voice of the Workers, qed terġa’ tisħaq mal-Gvern fuq dak li kienet qalet fl-aħħar laqgħa tal-MCESD fejn saħqet mal-Gvern li huwa importanti li jkun hemm working group rappreżentattiv li jkun magħmul mill-Gvern, l-Awtorità tas-Saħħa u l-imsieħba soċjali. Għaldaqstant, din l-Unjin tistenna li din l-materja tiġi diskussa fil-laqgħa li jmiss tal-MCESD li huwa skedat għall-nhar it-Tnejn.