L-Allied Health Professionals jirbħu d-dritt li jinnegozjaw bis-saħħa tal-UĦM


  October 18, 2019 4:24 pm

Illum il-Qorti kkomunikat id-deċiżjoni tal-mandat ta’ inibizzjoni mressaq mill-MUMN fejn din il-union kienet qed tfittex li twaqqaf lill-Gvern milli jibda jew itemm negozjati ta’ ftehim settorali tal-Allied Health Professionals.

Il-mandat instema’ quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u, fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef tenna li l-Qorti qed tiċħad it-talbiet tal-MUMN għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni.

Dan ifisser  li  l-UĦM Voice of the Workers, b’mod  immedjat, se tkun qed tissokta bin-negozjati tagħha għall-ftehim settorali tal-Allied Health Professionals.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti ikkunsidrat ukoll li, permezz  ta’ dan il-mandat li pprovat tagħmel il-MUMN, kienu se jiġu affettwati ħażin “għadd kbir ta’ professonjisti…..li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ din  it-tilwima u li qed jistennew li jiġi konkluż il-ftehim settorali bit-tama li  l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jiġi regolat aħjar”.

Għaldaqstant din hija deċiżjoni  oħra li  tikkonferma kemm  il-UĦM Voice of the Workers dejjem aġixxiet fil-parametri tagħha u b’mod professjonali skont il-liġijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet industrijali.