Kundizzjonijiet inferjuri lil Allied Health Professionals


  August 17, 2020 5:28 pm

Wara ġimgħa ta’ azzjonijiet u nuqqas ta’ rieda tajba min-naħa tal-Gvern jidher biċ-ċar illi l-Gvern ma għandux intenzjoni li jagħti żieda xierqa lil dawn il-professjonisti. Għalhekk, il-UĦM Voice of the Workers qed tħabbar li minn nofs il-lejl tal-lum se tkun qed teskala d-direttivi tal-Allied Health Professionals. Dawn il-grupp ta’ professjonijiet speċjalizzati f’setturi differenti fil-qasam tas-saħħa huma l-Audiologists, Biomedical Scientists, Dental Hygienists, Dental Technologists, Occupational Therapists, Physiotherapists, Podiatrists, Radiographers u Speech Language Pathologists.

Hi ta’ sfortuna li minkejja li hemm ftehim sakdut bi tliet snin, il-Gvern għadu qed isabbat saqajh ma’ dawn il-front liners u mhux lest jagħti żidiet fil-pagi u kundizzjonijiet li jirriflettu l-irwolijiet ta’ dawn il-professjonisti. Dawn il-professjonisti huma pilastru ewlieni fil-qasam tas-saħħa tagħna u nuqqas ta’ ftehim kollettiv ġdid għal dawn il-ħaddiema jfisser kundizzjonijiet li jirriflettu r-realtajiet ta’ seba snin ilu. Dan kollu b’detriment għall-avvanz ta’ dawn il-professjonijiet u l-kura tas-saħħa tal-pazjenti. Dawn in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ifissru wkoll li l-Gvern qed isib diffikultà kull sena sabiex jimpjega biżżejjed professjonisti f’dawn l-oqsma b’detriment fuq is-servizz kollu tas-saħħa.

L-UĦM Voice of the Workers  tfakkar li dawn l-Allied Health Professionals kienu minn ta’ quddiem sabiex iwaqqfu l-imxija tal-COVID-19 ġewwa Malta u għadhom sal-ġurnata tal-lum joffru servizzi essenzjali biex jissalvagwardjaw is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi billi offrew servizzi bħal: swabbing għal testijiet xjentifiċi fil-laboratorju.

Minkejja li l-Gvern wiegħed li ser jagħti s-sostenn u remunerazzjonijiet xierqa lil dawn il-frontliners jidher biċ-ċar li dak li qed jintqal mhux qed jitwettaq fil-konkret.

Għalhekk minn għada:

  • Operazzjonijiet mhux urġenti ser ikunu posposti
  • Radiographers fl-emerġenza ser ikunu fuq go slow
  • CTs, MRI u Theatres ser jiefqu sakemm mhux emerġenza
  • Testijiet tad-demm mhux ser jiġu proċessati jekk mhux emerġenza jew swabs tal-COVID-19
  • Servizzi tal-Podjatrija ser jitnaqqas għajr għal servizzi urġenti kemm fl-isptarijiet u l-kura primarja waqt li servizzi fil-komunità mhux se jiġu offruti.
  • L-Occupational Therapists mhux ser jaraw pazjenti ġodda u mhux se joffru servizzi ta’ home visits.
  • Każijiet ta’ nies li għandhom diffikultajiet biex jibilgħu l-ikel u x-xorb (dysphagia) fil-komunità ser jiġu referuti għall-Casualty filwaqt li servizzi fil-komunità ta’ Speech Language Pathology se jkunu mwaqqfa apparti każijiet ġodda li se jingħataw vista waħda.
  • Testijiet tas-Smigħ se jiefqu kollha.
  • Il-Fiżjoterapisti ser ikunu qed jaraw każijiet respiratorji biss.

Filwaqt li dawn l-azzjonijiet mhux qed jolqtu l-imxija tal-COVID-19, il-Union mhi teskludi xejn jekk il-gvern jibqa’ jsabbat saqajh u jibqa’ jirrifjuta li jagħti r-rikonoxximent neċessarju lil dawn il-professjonisti.