Kull pjan ekonomiku jrid jiġi ggwidat mill-awtoritajiet tas-saħħa


  May 1, 2020 10:43 am

Qed noqorbu lejn it-tieni fażi tal-COVID-19 u jeħtieġ li kull pjan ekonomiku jrid jiġi ggwidat mill-awtoritajiet tas-saħħa. Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, f’diskors fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem.

Josef Vella qal li, fid-dawl tal-kriżi COVID-19, il-UĦM Voice of the Workers kienet, għadha u se tibqa’ preżenti biex tagħti l-appoġġ neċessarju lil dawk il-ħaddiema li qed jipprovdu servizzi essenzjali fil-komunità (il-frontliners) kif ukoll lil dawk il-ħaddiema li qed jaħdmu mid-dar.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers wera solidarjetà ma’ dawk il-ħaddiema li mardu bil-Coronavirus, ma’ dawk il-ħaddiema li tilfu x-xogħol tagħhom, ma’ dawk il-ħaddiema li tnaqqsitilhom it-take-home-pay tagħhom u ma’ dawk il-ħaddiema li tilfu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Mal-ħaddiema li huma membri fil-union, saret ħidma biex kemm jista’ jkun jitnaqqsu l-piżijiet u t-tbatijiet li setgħu ġarrbu. “Imma ma nistax ninsa’ li hemm ħaddiema li mhumiex organizzati f’union u l-impatt ta’ din il-kriżi kienet ikbar”, sostna Josef Vella u żied li “is-solidarjetà ta’ din il-union ukoll tmur lejn dawn il-ħaddiema biex nipprovaw nagħtuhom xaqq ta’ tama lilhom u l-familji tagħhom”.

Josef Vella qal li r-rwol  ta’ din il-union waqt il-COVID-19 kien kbir. Hu stqarr li matul  din il-ġimgħa l-union tellgħet filmat ta’ 9 minuti fuq il-Facebook dwar ix-xogħol li twettaq mill-UĦM. “Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li l-proposti tal-UĦM ġew implimentati mill-Gvern fi żmien qasir”, saħaq Josef Vella. Hu qal li dan ġara għax din il-union għandha idejha fuq il-polz tal-ħaddiem u waqt din il-kriżi hi kienet ta’ spalla mal-ħaddiema biex ittaffi t-tbatijiet tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li f’dan iż-żmien ta’ kriżi l-union kienet produttiva iżjed b’inqas sforzi, b’inqas ġiri, b’inqas ħela ta’ ħin u b’inqas spejjeż. Hu qal li ħafna postijiet tax-xogħol implimentaw il-proċedura tat-telework b’mod sħiħ u tenna li minn hawn irridu  nitgħallmu li din m’għandhiex tkun proċedura  ta’ kriżi imma waħda li trid tkun organizzata. Fil-futur, wara li tgħaddi din il-burraxka, it-telework jista’ jkun il-mod kif is-suq  tax-xogħol tagħna jista’ jkompli jaħdem. Hu staqsa kemm fil-verità  naħlu ħin fit-traffiku biex immorru minn laqgħa għal oħra meta llum skoprejna li waqt kriżi bħal din qed nibqgħu nagħmlu l-istess xogħol bl-għajnuna tat-teknoloġija. Dan  ma jfissirx li kollox huwa ward u żahar u allura Josef Vella rringrazzja lill-ġenituri kollha li filwaqt li kienu f’darhom jaħdmu kienu qed jagħmlu dan b’sagrifiċċji kbar, sagrifiċċji għaliex magħhom kellhom jieħdu ħsieb lil uliedhom  meta l-iskejjel kienu magħluqin. “Mhux faċli għal dawn il-ħaddiema biex jirnexxilhom ilaħħqu max-xogħol u  fl-istess waqt ilaħħqu mal-esiġenzi tal-familja”, sostna Josef Vella. Hu wera apprezzament lejn dawn il-ħaddiema li jwettqu dmirhom b’sens ta’ dover, kemm lejn l-ekonomija tal-pajjiż u lejn il-post  tax-xogħol tagħhom mingħajr ma nsew ir-responsabbiltajiet tal-familja.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers irringrazzja lill-ħaddiema taċ-Ċivil u tal-entitajiet pubbliċi. F’dawn l-aħħar jiem l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet li għandha titnaqqas il-paga ta’ dawk il-ħaddiema li ntbagħtu d-dar. Il-UĦM mill-ewwel irreaġixxiet għax ma setgħetx  taqbel mal-prinċipju li għax hawn ħaddiema li qed ibatu, kull ħaddiem ieħor għandu jinġieb fit-tbatija. “Bħal dak li qallu li min qiegħed fit-tbatija se sserrħu billi tgħidlu li ħaddieħor ukoll qed ibati bħalek”, żied jgħid Josef Vella.

Din  il-union trid tibqa’  iffokata biex issib is-soluzzjonijiet għal min  jinsab fit-tbatija u “fi żmien ta’  kriżi m’għandniex noħolqu iżjed kriżijiet lill-ħaddiem”. Hu kompla li “aktar m’aħna se  nieħdu iżjed flus minn idejn il-ħaddiema iktar se tbati l-ekonomija…ebda ħaddiem ma  tiġih il-paga u jiekol il-flus…il-flus iridu jintefqu u jitqiegħdu lura fl-ekonomija”. Josef Vella qal li biex ir-rota tal-ekonomija tibqa’ iddur irridu  naraw li nħallu l-flus f’idejn il-ħaddiema, il-familji tagħhom u f’idejn il-pensjonanti.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li minkejja n-numru ta’ persuni morda bil-Covid-19 huwa baxx, ma nistgħux naħsbu li  wasalna fil-fażi ta’ wara din il-kriżi. Hu qal  li l-fażi li jmiss hija t-tieni fażi ta’ żmien il-COVID-19. L-appell ta’  din  il-union, li għamlitu  fil-laqgħat tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), hu li jitwettqu żewġ miżuri: l-ewwel li mit-tielet pakkett ta’ inizjattivi li sar bi qbil mal-imsieħba soċjali issir analiżi dwar in-nuqqasijiet li ħoloq u t-tieni li jaħseb f’dawk il-kategoriji ta’ ħaddiema li nesa biex jgħin. “Hemm postijiet tax-xogħol li ma  ngħatawx assistenza u hemm ħaddiema li tħallew barra”, saħaq Josef Vella. Hu qal  li dawn il-postijiet tax-xogħol u l-ħaddiema minsijin għandhom jingħataw l-għajnuna neċessarja. Dan biex fit-tieni fażi  ta’ COVID-19 ikun hemm inqas persuni fit-tbatija.

Josef Vella żied li l-imsieħba soċjali flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa jridu jaħdmu flimkien  għal exit plan mill-ewwel perijodu tal-COVID-19. Dan il-pjan  għandu jsir bil-għaqal biex nikkontrollaw it-tieni mewġa. Hu qal li waqt li rridu nsibu bilanċ fil-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija ma rridux ninsew  li minn din is-sitwazzjoni l-prijorità tibqa’ is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi. Josef Vella qal li kull pjan ekonomiku jrid ikun iggwidat mill-awtoritajiet tas-saħħa; irridu nirrispettaw lill-awtoritajiet tas-saħħa bħalma għamilna s’issa.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers tkellem dwar persuni vulnerabbli u qal li għalihom inħolqu skemi mill-Gvern. Din il-union irċeviet ilmenti mingħand uħud minn dawn il-persuni li, biex igawdu minn tali skemi, jridu jġibu karta mingħand il-konsulent tagħhom. Dan ma jagħmilx sens għax filli ntqalilhom biex jibqgħu sikuri fi djarhom u filli jridu joħorġu minn djarhom  sabiex jiksbu karta mill-ispeċjalista tagħhom. Ħafna minn dawn  in-nies qed jibgħatu emails u jagħtu l-kunsens tagħhom biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jaċċessaw il-files tagħhom fl-Isptar Mater Dei. Il-files ta’ dawn il-persuni jindikaw waħedhom li huma nies vulnerabbli. “Allura importanti li f’sitwazzjoni bħal din naraw li r-raġuni tipprevali….l-iskemi li jinħolqu m’għandhomx jagħmluha diffiċli għall-poplu tagħna imma jiffaċilitaw”, sostna Josef Vella.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fisser li waqt il-COVID-19  l-ambjent ħa r-ruħ. Hu qal li meta niġu biex nagħmlu l-pjani tagħna għal ekonomija ġdida wara din il-burraxka, tali pjani jridu jagħtu kas il-ħarsien tal-ambjent.

Josef  Vella żied li  l-awtoritajiet tas-saħħa kienu strumentali fil-ġlieda kontra din il-kriżi. Huwa importanti li l-awtoritajiet tas-saħħa jibqgħu minn ta’ quddiem fit-tmexxija ta’  dan in-nazzjon biex noħorġu minn din il-kriżi flimkien.

Hu appella lill-Gvern  biex jieħu ħsieb lill-poplu Malti u Għawdxi; peress li kellna ħafna familji maqfulin fi djarhom żgur li l-konsum tad-dawl u tal-ilma żdied b’mod iżjed mgħaġġel. Għaldaqstant il-poplu Malti m’għandux jiġi mtaqqal b’piż ieħor ta’  kontijiet għax inkella tkun daqqa kiefra li la tgħin lill-ħaddiem u lanqas lill-ekonomija.

Josef Vella żied li  l-UĦM kienet sensittiva biżżejjed biex f’dan il-perijodu ma tibdiex proċeduri għal ftehim kollettivi ġodda. “Madankollu ma nistgħux nużaw dan il-perijodu bħala skuża biex ftehim kollettivi li  waslu fi stadju finali ma jingħalqux; ma nistgħux inħallu dawn il-proċessi  fuq l-ixkaffa b’detriment, mhux biss għall-ħaddiema u l-familji tagħhom li jitħallew fil-limbu, imma wkoll b’detriment għall-postijiet tax-xogħol”.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, Josef  Vella għamel numru ta’ ringrazzjamenti. Hu radd ħajr lill-awtoritajiet tas-saħħa  għax-xogħol li qed jagħmlu flimkien  mal-ħaddiema  li jaqgħu taħthom. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers irringrazzja wkoll lil dawk il-ħaddiema li  taw il-kontribut tagħhom – min b’mod u min b’ieħor; irringrazzja wkoll lil min iħaddem li ħafna  minnhom imxew b’sens ta’ irġulija u għamlu l-almu tagħhom biex jgħinu lill-ħaddiema.

Josef Vella rringrazzja lill-membri kollha ta’ din il-union tal-appoġġ kontinwu matul din il-kriżi u fakkarhom li l-ħidma tal-UĦM għadha għaddejja u tibqa’ għaddejja. Josef Vella qal li l-union qed tħares lejn il-kumplament ta’ din is-sena b’mod pożittiv għax il-miri tagħha għadhom hemm, fosthom li tkun inawgurata l-binja ġdida tal-UĦM u li ssir il-Konferenza Ġenerali biex tħares lejn ħames snin oħra ta’ ħidma. Fl-aħħar u mhux l-inqas, Josef Vella rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-UĦM Voice of the Workers u tal-kumpaniji tagħha, għad-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji tagħhom.

Hu awgura l-isbaħ xewqat lil kulħadd fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem u saħaq li “din il-ġenerazzjoni ma tridx tiġi mfakkra bħala dik li għexet iż-żmien tal-COVID-19 imma bħala l-ġenerazzjoni li rebħet din il-kriżi”.