Irtira l-Kuntratt ta’ Steward Issa!


  July 7, 2020 7:53 pm

4 snin wara li l-UĦM Voice of the Workers (UĦM) u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) talbet lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga l-kuntratti ta’ Vitals Health Care, illum ħareġ l-ewwel rapport minn tlieta. S’issa ġie investigat kif ingħata l-kuntratt lill-Vitals Health Care u b’din il-parti biss tal-investigazzjoni dawn iż-żewġ unions diġà ngħataw raġun.

Wara li dawn iż-żewġ Unions qajmu dubji serji fuq kemm dan il-kuntratt huwa ta’ benefiċċju għall-Maltin u l-Għawdxin, f’dan ir-rapport l-Awditur iddefinixxa dan il-kuntratt bħala wieħed li sar b’kollużjoni sħiħa mal-Gvern u li Vitals Healthcare ma kienux lesti sabiex imexxu dawn l-isptarijiet b’serjetà u saħansitra jagħmlu t-tibdil neċessarju li kien wiegħdu. Dan għaliex wara 6 snin li suppost beda x-xogħol u tliet snin wara li suppost tlesta x-xogħol ma nfetħet l-ebda sala ġdida u wisq anqas sptar ġdid.

Intant, f’dan l-isfond, il-Gvern ma għandux triq oħra ħlief li minnufih jirtira mill-kuntratt ma’ Steward Health Care. Jidher li l-kuntratt huwa wieħed ivvizzjatt u qatt ma kellu jsir. Dan sar għat-telf tal-miljuni kbar għad-dannu tal-Pazjent Malti u Għawdxi. Il-Gvern għandu wkoll jassorbi l-ħaddiema kollha li huma mpjegati ma’ Steward, iħallashom paga xierqa u jagħtihom is-serħan tal-moħħ li sal-lum għad ma kellhomx.