Irbaħna l-ewwel battalja, imma għadna ma rbaħniex il-gwerra


  August 6, 2020 2:05 pm

“Irbaħna l-ewwel battalja, imma għadna ma rbaħniex il-gwerra għax il-Coronavirus għadu magħna.” Hekk stqarr Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers wara laqgħa li kellu mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne fil-Ministeru tas-Saħħa, l-Erbgħa 5 ta’ Awwissu 2020.  

Il-postijiet tax-xogħol huma u għadhom mħassba fuq l-imxija tal-COVID-19. Il-UĦM Voice of the Workers qed tisħaq biex ikun hemm sett wieħed ta’ linji gwida mingħajr messaġġi konfliġġenti. Barra minn hekk dawn għandhom jiġu nfurzati mill-awtoritajiet. 

Fil-laqgħa l-UĦM Voice of the Workers saħqet li l-Gvern għandu jimxi b’direzzjoni u miżuri ċari. It-tmexxija tal-pajjiż ma tistax timxi b’suġġerimenti, imma għandha tkun effettiva b’direzzjoni waħda għall-ġid ta’ pajjiżna. B’hekk is-saħħa tal-ħaddiema u l-poplu Malti jkunu salvagwardjati.  

Il-UĦM Voice of the Workers żiedet li għandna nersqu lejn il-Ħarifa b’sistema tas-saħħa b’saħħitha. Bħalissa resqin lejn Ħarifa b’iktar każijiet attivi. Dan ukoll b’detriment għall-ekonomija għax qed niġu blacklisted fuq safar. 

“Ejja nersqu lejn Ħarifa b’sistema ta’ saħħa b’saħħitha u mhux b’sistema diġà krollata minħabba l-ammont ta’ swabbing”, sostna Josef Vella.  

Hu qal li l-pożizzjoni tal-UĦM ġiet injurata u l-attivitajiet għadhom qed isiru. Għalhekk il-UĦM Voice of the Workers qed tagħmel pressjoni fuq il-Gvern biex l-attivitajiet tal-massa jitwaqqfu. Is-Saħħa Pubblika hija responsabbiltà tal-Gvern u għalhekk l-appell huwa biex l-miżuri jittieħdu bis-serjetà u mingħajr ebda dewmien.   

“Ma nistgħux nipperikolaw is-saħħa tal-poplu jekk l-attivitajiet tal-massa jibqgħu għaddejjin il-UĦM Voice of the Workers lesta tieħu l-azzjonijiet li hemm bżonn”, kompla Josef  Vella. 

It-talba tal-UĦM Voice of the Workers hija biex nikkontrollaw is-sitwazzjoni. L-attivitajiet tal-massa għandhom jieqfu għax minflok ekonomija b’saħħitha, qed ikollna telf ikbar.