Imħabbra uffiċjalment il-proposti ta’ UĦM Voice of the Workers għall-Budget 2020


  October 8, 2019 9:15 am

Il-UĦM Voice of the Workers ħabbret, f’konferenza tal-aħbarijiet, il-proposti tagħha għall-Budget 2020. Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM  Voice of the Workers, elenka wħud mid-92 proposta li din il-union ippreżentat lill-MCESD fil-ġimgħat li għaddew.

Fl-introduzzjoni tiegħu, Josef Vella aċċenna għas-sitwazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontribut tal-union fl-MCESD. Bħalissa l-UĦM mhux qed tattendi l-MCESD u dan bi protesta minħabba  l-fatt li ma ngħatatx widen għad-diversi drabi li ppruvat tressaq numru ta’ preżentazzjonijiet quddiem l-imsieħba soċjali. Għall-UĦM Voice of the Workers dan  mhux aċċettabbli għax hi kemm-il darba semgħet dak li ried jgħid ħaddieħor, imma l-union qatt ma ngħatat iċ-ċans biex tressaq l-ideat tagħha fuq suġġetti li  hi tagħraf bħala importanti.

Dwar  din il-kwistjoni intervjena l-Ministru Edward Zammit Lewis u nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru, uffiċjali ta’ din il-union se jkunu qed jiddiskutu miegħu sabiex ikun hemm żblokk għal din  is-sitwazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers  ried li  l-union tagħmel preżentazzjoni lill-MCESD sabiex ikun diskuss l-għoli tal-prezz tal-fuel. Din il-union rat diversi kommoditajiet jogħlew, bħal il-ħobż, il-ħalib u dan l-aħħar il-fuel. Sfortunatament iż-żieda fil-prezzijiet ma ġietx diskussa u dan m’għandux ikun. Aktar u aktar fl-MCESD meta din il-union ma tingħatax l-opportunità f’dan  il-forum biex tiddiskuti dan is-suġġett.

Josef Vella stqarr li  f’rapport li ħareġ il-Eurofound ħadd mill-media ma semma ċ-ċifri li l-istess rapport isemmi fejn tidħol il-paga medja fl-Unjoni Ewropea. Ir-rapport jitkellem ċar li l-paga medja fl-UE fl-2012 kienet ta’ €16.70 u l-paga medja fl-UE fl-2018 kienet tammonta għal €29.90. F’Malta l-paga medja fl-2012 kienet €7.45, jiġifieri qisu 44 fil-mija ta’ dak li  kien hemm fl-UE. Fl-2018, filwaqt li l-paga medja fl-UE kienet ta’ €29.90, f’Malta kienet €9.32. Dan  ifisser li l-paga medja f’Malta, meta mqabbla ma’ dik fl-UE, naqset fil-perċentwal tagħha – minn 44 fil-mija għal 31 fil-mija.

Bejn l-2012 u l-2018, il-paga medja fl-UE żdiedet b’55 fil-mija filwaqt li f’Malta l-paga medja żdiedet b’25 fil-mija. Josef Vella qal li b’dawn iċ-ċifri l-pajjiż ma jaffordjax li jara żieda fil-prezz tal-fuels.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers irrefera għal proposta partikulari, dik tal-kuntratti tax-xogħol li jkunu disponibbli fuq l-internet. Hemm barra, is-suq tax-xogħol qed ikompli jikber permezz tal-ħaddiema barranin u bla dubju ta’ xejn  jeżisti l-prekarjat.

Il-UĦM Voice of the Workers qed tissuġġerixxi li l-ħaddiema kollha mhux biss ikollhom kuntratt bil-miktub, imma dawn il-kuntratti jkunu uploaded fuq portal li  jitmexxa minn awtorità tal-Gvern. Minn dan il-portal wieħed jista’ jara li dak li tistabbilixxi l-liġi tax-xogħol bħala minimu fil-kundizzjonijiet, ikun rifless awtomatikament f’dawn il-kuntratti. B’dan  il-mod, il-kuntratti kollha tal-ħaddiema, irrispettivament  jekk  humiex Maltin jew barranin, ikollhom kuntratt li jassigura l-kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol. Għal xi raġuni jew oħra l-Gvern qed ikaxkar saqajh fuq din il-proposta u, għalkemm teoretikament hemm qbil bejn iż-żewġ naħat, din il-proposta għadha ma  ratx  id-dawl tax-xemx.

Josef Vella tkellem ukoll dwar il-proposta ta’ salarju ugwali għal xogħol ugwali. Din mhix proposta li vvintatha l-UĦM imma hija direttiva li biha suppost irridu noperaw. Imma fir-realtà din mhux qed  titwettaq. Hu qal li l-liġijiet tajbin iridu jissarrfu mill-ħaddiema u allura huwa importanti li dan il-prinċipju jkun fil-prattika. Illum qed nitkellmu fuq suq tax-xogħol li jkopri 220,000 ħaddiema li minnhom 60,000 huma ħaddiema  barranin. Dan ifisser li 27 fil-mija tas-suq Malti tax-xogħol hu magħmul mill-barranin. Sfortunatament, hemm barra, qed isir abbuż fuq il-ħaddiema li jinġiebu minn pajjiżi li għandhom livelli iżjed baxxi minn tagħna. Jekk dawn il-ħaddiema barranin se jibqgħu jiddaħħlu f’pajjiżna  u ma nassigurawx li qed jagħmlu xogħol ugwali daqs ħaddieħor u jitħallsu daqs ħaddieħor, allura se nkunu qed inwettqu abbuż fuq il-ħaddiema barranin. Barra minn  hekk, l-impatt tal-istess abbuż huwa direttamenta fuq il-ħaddiema Maltin u Għawdxin għax in-negozjar kollettiv qed jiġi mxekkel.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers tkellem dwar  il-proposta ta’ sħubija f’union għal ħaddiema bi dħul baxx.  Fil-konferenza tal-aħbarijiet intwera filmat ta’ diskussjoni li Josef Vella kellu mal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt  il-Konferenza Ġenerali tal-UĦM f’Diċembru 2015. Josef Vella fisser kif dakinhar kienet introdotta proposta mill-istess union li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin għandhom ikunu f’union. Il-Kostituzzjoni tagħna titkellem dwar id-dritt tal-assoċjazzjoni u allura d-dritt li l-individwu  jagħżel ma’ liema union  irid jissieħeb.  Josef Vella qal li f’din il-proposta rridu nagħtu iżjed protezzjoni lill-ħaddiema filwaqt li ssir tassattiva li l-ħaddiem jidħol f’union tal-għażla tiegħu. Ir-raġuni warajha ġejja mill-prinċipju tad-djalogu soċjali iżda sfortunatament  ġiet permessa triq oħra li hija abbużiva. Josef Vella saħaq li kulħadd irid joqgħod fl-istess triq li hija regolata – min iħaddem joqgħod f’union  ta’  min iħaddem, u ħaddiem jagħżel union li tirrapreżenta lill-ħaddiema. Il-UĦM  Voice of the Workers qed  tgħid aktar minn hekk u tfisser li ħaddiema li jaqilgħu sa €25,000 għandhom  jidħlu awtomatikament f’union. Dan għax l-ikbar bżonn  u l-ikbar abbuż qed iseħħ fost ħaddiema bi dħul baxx.

Min-naħa l-oħra, dawk il-ħaddiema li ma jridux jissieħbu f’union (partikularment dawk li jaqilgħu minn €25,000 ‘il fuq) għandhom jagħtu kontribuzzjoni għad-djalogu soċjali. Minflok iħallsu miżata, iħallsu kontribuzzjoni f’fond għall-iżvilupp tar-riżorsi umani. Tali fond ikun amministrat mill-korpi kostitwiti u li jiffoka l-aktar fuq ir-riċerka, it-taħriġ u l-iżvilupp  kontinwu. B’hekk ikun assigurat  li l-ħaddiema  hemm barra  jkunu qed jagħtu l-kontribuzzjoni lejn  id-djalogu soċjali.

Proposta oħra elenkata minn Josef Vella hi dik dwar it-tisħiħ fl-Awtorità  dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA) kif ukoll li jsir infurzar fl-operat tal-kuntratturi. Josef Vella stqarr li s-settur tal-kostruzzjoni għandu jiġi regolat u li l-iżvilupp li qed isir ikun qed itejjeb l-estetika ta’ pajjiżna. “Ejja ma niġux imfakkrin bħala dik il-ġenerazzjoni tal-konkos u tal-blokok tal-konkrit li ħallejna warajna; ejja nsebbħu lil Malta bħalma għamlu l-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna u li għadna ngawduh sal-lum”, sostna Josef Vella.  Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers għamilha ċara li l-union m’għandha xejn kontra n-negozju imma għandu jkun hemm infurzar b’saħħtu fejn jidħlu s-saħħa u s-sigurtà.

Proposta marbuta ma’ din  il-kwistjoni hi li jkun  hemm fond sabiex ikunu kumpensati l-vittmi ta’ min ikun  ġarrab ħsarat jew twaqqigħ fil-propjetà tiegħu kawża ta’ negliġenza minn min  kien responsabbli mill-iżvilupp.

Dwar it-trasport, il-UĦM Voice of the Workers qed tipproponi li jkun hemm trasport alternattiv li jilħaq lir-residenti kollha. Josef Vella qal li l-Fast Ferry għandha tiġi indirizzata mill-aktar fis għax jista’ jkun ta’ soljev għall-ħaddiema Għawdxin. Barra minn hekk għandu jkun hemm studju dwar il-moviment tal-persuni – studju biex jinstabu soluzzjonijiet addattati. Proposta oħra titratta dwar l-iskema Tal-Linja Card  li tkun bla ħlas għal kulħadd. B’dan l-inċentiv, ikun hemm aktar nies li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku u fil-frattemp titnaqqas karozza għal kull persuna fit-triq. Il-UĦM qed  tittama li filwaqt li qed jitwessgħu t-toroq ikun hemm pjan biex il-bus lanes iżidu fl-importanza tagħhom.

Josef Vella tkellem dwar proposta edukattiva, dik dwar internet b’xejn iżda b’aċċess regolat għal dawk ir-residenzi bi tfal li jattendu skejjel primarji u sekondarji. Dan sabiex aktar nies ikunu jafu jħaddmu t-teknoloġija u biex jiżdied l-użu regolat tal-internet. Barra  minn hekk, il-UĦM ukoll qed tipproponi skemi ta’ qari online b’xejn għat-tfal u ż-żgħażagħ. Dan biex l-istudenti ma  jitbiegħdux mill-qari.

Proposta importanti oħra hi l-Pensjoni taż-Żgħażagħ. Josef Vella saħaq li jekk m’aħniex se naħsbu llum għall-pensjoni taż-żgħażagħ tal-lum,  allura dawn jaslu għall-età pensjonabbli u soluzzjoni għalihom ma jkollniex. L-anzjani tal-lum diġà  qegħdin f’sitwazzjoni prekarja. Jekk ma rridux nibqgħu f’dan iċ-ċirku vizzjuż  li f’kull budget għall-futur ta’ dan  il-pajjiż irridu nitkellmu fuq xi għajnuna ta’ €300 lill-anzjani, wasal iż-żmien li l-Pensjoni taż-Żgħażagħ tiġi indirizzata. Din il-pensjoni fiha diversi fatturi, fosthom, li tintrabat mal-produttività, tintrabat ukoll mat-titjib fil-pagi u fil-qligħ tal-ħaddiema ħalli dawn jkollhom minn fejn iwarrbu biex ikunu jistgħu jġemmgħu  għall-pensjoni tiegħu. Il-UĦM Voice of the Workers tibqa’ dik il-union li tixpruna l-Pensjoni tat-Tieni Pilastru b’mod volontarju permezz tal-ftehim kollettivi. Għal din il-union, is-soluzzjoni teżisti u li jonqos huwa pjan kif din titwettaq. Josef Vella appella lill-Gvern sabiex jieħu din  it-tema  bis-serjetà.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers  semma wkoll proposta li tikkonċerna lil persuni b’diżabbiltà. Bħalma sar fis-snin li għaddew fejn infetħu numru ta’ djar tal-anzjani, għandu  jsir l-istess u jinbnew aktar djar għal persuni b’diżabbilta’. Id-Dar tal-Providenza għandha lista twila ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali li huma miktubin mill-ġenituri jew min jieħu ħsiebhom u qed jistennew biex jidħlu u jgħixu f’din id-Dar. Ġenituri ta’ persuni b’diżabbilta’ wkoll kitbu lil uliedhom fi djar fil-komunita’ bħal Dar Pirotta f’B’Kara. Imma dawn id-djar mhumiex biżżejjed. Jeħtieġ li l-Gvern, fi żmien stipulat, jinvesti f’dar kbira oħra bħar-Residenza San Vinċenz biex il-ġenituri jserrħu rashom li uliedhom bi bżonnijiet speċjali jkollhom min jieħu ħsiebhom wara li jħallu din id-dinja.

Josef Vella tkellem ukoll dwar l-ambjent u l-UĦM Voice of the Workers qed tipproponi, fost oħrajn, li f’kull belt u raħal ikun hemm aktar bringinsites taħt l-art fejn jista’ jintefa’ ż-żibel skont il-materjal.  Din il-proposta tinċentiva liċ-ċittadin biex jarmi l-iskart tiegħu fil-kumdita’ tiegħu u fl-istess waqt l-iskart ma jagħtix fil-għajn.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers irrefera wkoll għal proposta importanti oħra, dik li jinbena, fi żmien stipulat, sptar ġdid b’faċilitajiet mill-aktar moderni għall-kura mentali. Dan għax preżentament l-Isptar Monte Karmeli jinsab fi stat  diżastruż,  mhux biss għall-pazjenti imma wkoll għall-ħaddiema u l-professjonisti li jridu jagħtu servizz imprezzabbli biex jieħdu ħsieb persuni f’qagħda vulnerabbli ħafna.

Ara l-filmat tal-konferenza tal-aħbarijiet hawn taħt:-