Il-UĦM tisħaq dwar ħlas ugwali għal xogħol ugwali f’laqgħa mal-Prim Ministru


  February 14, 2020 5:07 pm

Waqt żjara ta’ kortesija li saret lill-Prim Ministru Robert Abela fil-Berġa ta’ Kastilja nhar il-Ħamis 13 ta’ Frar 2020, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers Josef Vella saħaq li l-Gvern għandu jistinka biex jassigura li l-ħaddiema kollha jgawdu minn ħlas ugwali għal xogħol ugwali.

Josef Vella stqarr li filwaqt li fil-prinċipju ħafna jaqblu li din hija n-norma għal kulħadd, fil-prattika dan għadu mhux qed iseħħ.

Il-Prim Ministru rrikonoxxa l-problema u qal li  huwa jinsab konxju li saru sforzi biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata, għalkemm għad baqa’ iżjed xi jsir. Il-Prim Ministru stqarr li trid issir bidla fil-liġijiet, iżda trid ukoll issir bidla fil-kultura.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers elenka serje ta’ suġġerimenti oħrajn għall-Prim Ministru biex jikkunsidrahom, fosthom dwar bidla fil-mod kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura. Josef Vella qal li l-promozzjoni ta’ avukati għal maġistrati trid issir wara li l-avukati jkunu qagħdu għal xi forma ta’ taħriġ.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers tkellem ukoll dwar bidla li trid issir fil-mod kif isir skrutinju tal-kuntratti mill-Awditur Ġenerali. Hu sostna li dawn għandhom ikunu verifikati qabel ma jintlaħaq qbil dwarhom. Josef Vella wkoll żied li l-verifikar m’għandux jieħu x-xhur jew  is-snin.

Il-Prim Ministru qal li hu dan l-aħħar kellem lill-Awditur Ġenerali dwar kwistjonijiet marbutin ma’ xi kuntratt. Filwaqt li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kien qed jagħmel xogħol tajjeb, ftit li xejn hemm xi jsir biex il-proċess jitħaffef peress li l-kuntratti li qed ikunu investigati huma pjuttost kumplessi u l-investigazzjonijiet tagħhom jieħdu ż-żmien.

Il-Prim Ministru Robert Abela wiegħed li se jkun hemm trasparenza u kontabbiltà ma’ kull kuntratt u ggarantixxa li dan se jkun il-każ tant li se jkun qed jassumi responsabbiltà.