Il-UĦM tesiġi għal lockdown preventiv sabiex dan il-virus jieqaf jinxtered


  March 13, 2020 3:34 pm

Il-pajjiż, illum, għandu żewġ għażliet quddiemu: li jagħmel lockdown meta naslu f’każ ta’ emerġenza meta l-virus jibda jiġi trasmess minn persuna għal oħra lokalment jew li jagħmel lockdown preventiv sabiex dan il-virus jieqaf jinxtered.

Il-pożizzjoni tal-UĦM Voice of the Workers hija t-tieni waħda, jiġifieri li l-lockdown jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli,  għajr għall-provvediment tas-servizzi essenzjali. Il-UĦM Voice of the Workers tissuġġerixxi li dan il-lockdown isir bil-preavviż. Jekk dan il-virus jibda jiġi trasmess lokalment, il-possibbiltà kbira hija li l-pajjiż ma jkollux il-kapaċità fiżika u r-riżorsi umani meħtieġa sabiex ikun jista’ jindirizza s-sitwazzjoni.

Din il-union qed tinsisti li l-lockdown jgħodd bħala kwarantina u l-paga kollha tal-ħaddiema għandha tiġi mħallsa.

Fiċ-ċirkostanzi preżenti, il-Gvern hu fid-dmir li jiltaqa’ uffiċjalment mal-imsieħba soċjali kollha buyonline muscle biex ilkoll flimkien jiftehmu pjan ħolistiku ta’ kontinġenza. Sfortunatament wara l-ewwel laqgħa, li saret dalgħodu, bejn il-Gvern u l-unions tal-impjegati, ma ntlaħaq ebda  qbil fuq meta jibda il-lockdown.

Intant, il-UĦM ikkomunikat mal-postijiet tax-xogħol u infurmathom biex ikunu konsultattivi u jikkomunikaw fuq kull bidla li ssir. Fin-nuqqas ta’ dan, il-union ikollha tieħu azzjonijiet industrijali.

Barra minn hekk, qed ikun hemm istanzi fejn ċertu ħaddiema mhumiex qed jingħataw il-protezzjoni meħtieġa, inkluż tagħmir protettiv. Fin-nuqqas ta’ dan kollu, il-UĦM se tieħu passi sabiex tassigura s-saħħa u is-sigurtà tal-ħaddiema.

Il-UĦM Voice of the Workers tittama li dan il-messaġġ li qed tgħaddi lill-Gvern ma jitteħidx tard wisq.

  • Tfakkar illi hi diġà tat il-parir li l-kwarantina ma tkunx volontarja u nafu x’kien l-esitu tan-nuqqas ta’ din id-deċizjoni;
  • Tfakkar li hi tat il-parir li jitwaqqfu t-titjiriet minn high risk zones, u nafu li l-maġġoranza tal-każijiet oriġinaw mill-Italja.

Dawn iż-żewġ pariri waħidhom, li kieku ttieħdu mill-Gvern f’waqthom, kieku s’issa għad ma għandniex każijiet ta’ Coronavirus.