Il-UĦM issellem lil Tony Castillo – isem sinonimu mal-ġustizzja favur il-ħaddiema


  June 23, 2020 10:58 am

UĦM Voice of the Workers issellem il-memorja ta’ Tony Castillo, membru attiv fil-Bord Eżekuttiv tal-union, li miet fl-għomor ta’ 70 sena t-Tnejn 22 ta’ Ġunju 2020.

Tony Castillo kien bniedem determinat u dak kollu li kien jagħmel kien iwettqu mill-qalb. Jekk kien hemm kawża ġusta, Tony kien jidħlilha b’ruħu u ġismu. Tony Castillo kien raġel lest biex jgħin u jagħti l-appoġġ lil ideat jew inizjattivi li jagħmlu ġid lin-nies.

Ħafna jiftakru lil Tony Castillo bħala bniedem ta’ żaqqu f’fommu u kont taf fejn inti miegħu – persuna straightforward. Kien bniedem li jgħid dak li kien iħoss bla tlaqliq u bil-mod tiegħu kien iwassal il-messaġġ bl-aktar mod sinċier. Tony Castillo kien bniedem ferrieħi u kien iħobb jiċċajta. Fuq kollox kien raġel li kien iħobb il-familja  u rnexxielu jrawwem f’uliedu l-istess imħabba u dedikazzjoni biex jgħinu u jkunu ta’ servizz lejn l-oħrajn.

Tony Castillo jibqa’ imfakkar għall-ħidma bla waqfien li kien iwettaq fil-Mellieħa u ismu kien sinonimu mal-ġustizzja favur il-ħaddiema u favur iż-żgħir. Minbarra s-sehem tiegħu fil-UĦM, Tony Castillo kien ukoll wieħed mill-attivisti veterani tal-Partit Nazzjonalista.

UĦM Voice of the Workers tibgħat il-kondoljanzi lill-familja ta’ Tony b’mod partikulari lil ibnu Ivan li wkoll hu membru fil-Bord Eżekuttiv tal-union.

Il-funeral ta’ Tony Castillo se jsir fil-Knisja Parrokkjali tal-Mellieħa nhar il-Ħamis 25 ta’  Ġunju 2020 fit-3.30 p.m.