Il-pożizzjoni tal-UĦM wara laqgħa tal-MCESD


  August 7, 2020 7:28 pm

Wara laqgħa fit-tul tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), ġew ikkjarifikati diversi punti li l-UĦM Voice of the Workers ipproponiet fil-laqgħa li hi kellha mad-Deputat Prim Ministru. Fost il-punti li din il-union qajmet u ġew aċċettati hemm ir-restrizzjonijiet fuq avvenimenti tal-massa, avviżi legali, multi, l-użu obbligatorju tal-maskra fil-ħwienet, abbord il-vapuri tal-Gozo Channel u fuq tal-linja u l-infurzar tal-liġi. Fid-dawl ta’ dan kollu l-UĦM Voice of the Workers titlob lill-pubbliku jsegwu dawn id-direttivi u jużaw il-maskra talli t-tixrid tal-imxija tal-Covid-10 jitrażżan.  

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers tkellem dwar il-bżonn li tingħata protezzjoni lil nies vulnerabbli. Ġie diskuss li għandhom jittieħdu miżuri biex jipproteġu lill-anzjani tagħna li jinsabu fid-djar tal-anzjani bħal: restrizzjonijiet tal-viżitaturi u żjarat minn wara l-perspex fid-djar tal-anzjani u li fl-isptarijiet tagħna jiġu kkontrollati ż-żjarat billi jkun hemm persuna waħda għal siegħa waħda fil-ġurnata.  

F’din il-laqgħa wkoll ntlaħaq ftehim li l-avvenimenti tal-massa barra mill-istabbilimenti mhux ser jingħataw il-permess li jsiru u l-Gvern saħaq li l-attivitajiet li kienu ppjanati ġew imħassra. Dan għalhekk wasal sabiex avvenimenti tal-massa fi spazji miftuħa u pubbliċi ġew imħassra u m’humiex se jiġu permessi li jsiru sakemm ma jsirux arranġamenti oħra, la darba n-numri jkunu taħt kontroll. 

F’każ ta’ avvenimenti fi stabbilimenti ser issir distinzjoni bejn spazju fuq  ġewwa u spazju fuq barra. Madankollu f’kull każ l-istabbiliment, irid isegwi r-regolamenti ta’ erba’ metri kwadri b’massimu ta’ 100 persuna f’każ li l-avveniment qed isir ġewwa u b’massimu ta’ 300 persuna f’avveniment li qed isir fuq barra. Fiż-żewġ każijiet id-dance floors iridu jkunu magħluqin. Fi clubs u bars, għandu jkun hemm l-imwejjed sabiex b’hekk tinżamm l-istess proċedura bħal tar-restaurantsGħalhekk ħadd ma jista’ jmur mal-bar imma jiġi servut mal-mejda tiegħu jew tagħha.   

Il-UĦM Voice of the Workers talbet ukoll li persuni vulnerabbli kif identifikati mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika għandhom jingħataw protezzjoni u jinstabu mezzi alternattivi sabiex jagħtu kontribut ekonomiku mingħajr ma jpoġġu l-ħajja  tagħhom f’periklu. 

Il-UĦM Voice of the Workers saħqet mal-Gvern u l-Gvern aċċetta t-talba, li l-frontliners u l-carers fid-djar residenzjali għandhom jiġu swabbed b’sistema għalihom li tassigura l-effiċjenza sħiħa fil-lokalizzazzjoni ta’ dawn il-frontliners li jistgħu jiġu kontaminanti. Dan sabiex mhux biss tiġi salvagwardjata l-workforce fis-sistema tas-saħħa imma wkoll saħħet il-pazjenti. 

Fl-aħħar, il-UĦM Voice of the Workers saħqet mal-Gvern li l-ftehim li ntlaħaq fil-MCESD ilbieraħ, ma jistax jkun ftehim għal dejjem iżda huwa importanti li fi żmien ġimgħa jitlaqqa’ working group rappreżentattiv li jkun magħmul  mill-Gvern, l-Awtorità tas-Saħħa u l-imsieħba soċjali.   

Fid-dawl ta’ dan il-UĦM Voice of the Workers  se tissospendi t-theddida tal-azzjonijiet industrijali waqt li tkompli ssegwi s-sitwazzjoni sal-ġimgħa d-dieħla. Dan biex waqt li jiġi segwit il-progress li jkun sar fuq l-aħħar ftehim, isiru l-bidliet neċessarji li tkun qed titlob is-sitwazzjoni ta’ dakinhar ħalli jkun assigurat li l-qagħda tal-Covid-19 tibqa’ taħt kontroll.