Il-MEA: tispara fuq il-ħaddiema….tispara f’saqajk


  April 23, 2020 6:28 pm

Il-UĦM Voice of the Workers ma taqbilx kategorikament mal-proposta mressqa mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) li b’xi mod isir xi tnaqqis mill-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern.

Il-UĦM ma taċċettax tnaqqis, la fil-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern u lanqas fl-allowances meta dawn huma marbutin mad-dmirijiet li obbligati jwettqu. La darba qed jitwettqu dawn id-dmirijiet – kemm jekk wieħed qed jirrapporta fil-post tax-xogħol u  kemm jekk l-istess dmirijiet qed jitwettqu b’telework – m’għandu jkun hemm ebda differenza fil-ħlas li jingħata.

Ix-xogħol ta’ ħaddiema fis-Settur Pubbliku huwa xogħol bżonnjuż lejn pajjiżna biex jibqa’ jiffunzjona u biex iċ-ċittadin jibqa’ jiġi moqdi. Il-UĦM tfakkar ukoll li s-Settur Pubbliku huwa s-sinsla tal-ekonomija f’pajjiżna. 

Mill-aspett ekonomiku tajjeb li wieħed iqis ukoll li jekk ikun  hawn inqas flus fl-idejn ikun hawn inqas kummerċ. Għalhekk il-UĦM ma tarax x’inhu l-interess tal-MEA meta titlob għal tnaqqis fil-pagi tal-ħaddiema Gvern, meta l-istess Assoċjazzjoni taf li dan se jwassal għal impatt negattiv fuq il-qligħ tal-istess membri tagħha.

Minn meta ‘l hawn il-MEA sar għandha interess li titkellem f’isem il-ħaddiema u mhux fuq il-membri li tirrappeżenta? X’inhu l-iskop aħħari tal-MEA wara proposta bħal din?

Minkejja li l-MEA ħasset il-ħtieġa li toħroġ stqarrija wara oħra biex tikkjarifika l-messaġġ tagħha, xorta waħda jidher biċ-ċar li l-proposta tal-MEA saret bl-addoċċ għax filwaqt li tinstiga li hemm xi ħaddiema li hi fissrithom bħala idle, naqset milli tagħti indikazzjoni ta’ min  huma dawn il-ħaddiema u f’liema setturi jaħdmu. Dan jirrifletti wkoll fil-proposta ta’ għotja ta’ bonus lill-ħaddiema fejn il-MEA semmiet biss il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u fl-istess nifs insiet il-kumplament tal-ħaddiema fis-settur pubbliku li f’dawn iċ-ċirkostanzi huma frontliners.

Il-UĦM qed tittama li meta l-MEA irreferiet għat-tnaqqis tal-pagi ta’ ħaddiema li huma idle, ma kinitx qed tirreferi għall-ħaddiema li skont l-awtoritajiet  tas-Saħħa huma meqjusa bħala nies vulnerabbli u minħabba din ir-raġuni mhux permess li joħorġu mid-dar għax-xogħol.

Jekk kemm il-darba l-MEA dehrilha li għandha tinnegozja xi forma ta’ aktar benefiċċji ma jagħmilx sens li dan tagħmlu għal skapitu ta’ dawn il-ħaddiema u  żgur li mhux se tkun qed tpaċi li l-ħaddiema, inkluż dawk vulnerabbli li jaħdmu mal-Privat li llum jinsabu fuq il-benefiċċji mogħtija mill-Gvern, la darba ma sabu ebda għajnuna addizzjonali minn min iħaddimhom. 

Mill-banda l-oħra l-UĦM trid tara liema huma dawk l-imprendituri fis-Settur Privat li d-dħul tagħhom huwa ta’ eluf kbar ta’ ewro u li aċċettaw li jnaqqsu d-dħul tagħhom fuq paga soċjali qabel ma naqqsu xi paga ta’ xi wieħed mill-ħaddiema tagħhom.

Kien ikun punt għaqli mill-MEA li tħeġġeġ lill-membri tagħha li jġorru ġest ta’ corporate social responsibility billi jnaqqsu mill-qligħ li diġà qalgħu tul is-snin u jiggarantixxu l-paga sħiħa tal-ħaddiema tagħhom f’dan iż-żmien diffiċli.