Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers jieħu sehem f’simpożju dwar is-suq tax-xogħol


  October 21, 2019 10:13 am

“Il-bidu ta’ kull strateġija dwar ix-xogħol irid ikollu rabtiet iżjed b’saħħithom bejn l-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol. Dan jeħtieġ edukazzjoni ta’ kwalità  tajba, informazzjoni affidabbli dwar il-bidliet fid-domanda għall-ħiliet u sistemi ta’ taħriġ li jirrispondu għal bidliet ekonomiċi u soċjali.”

Dan kien il-messaġġ li Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, wassal f’simpożju bit-tema Employment Strategy and its ripple effect on the economy waqt forum nazzjonali organizzat mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) fil-Lukanda New Dolmen, il-Qawra nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Ottubru 2019.

L-udjenza li attendiet dan is-simpożju nqasmet f’erba’ gruppi biex kienu diskussi temi marbutin mas-suq tax-xogħol. Wieħed minn dawn il-gruppi tmexxa mill-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers u numru ta’ rappreżentanti minn postijiet tax-xogħol qajmu numru ta’ suġġerimenti u ideat sabiex is-suq tax-xogħol ikun jista’ jissaħħaħ.

Fost is-suġġetti li kienu diskussi waqt il-forum nazzjonali kien hemm is-swieq tax-xogħol Ewropej: riskji u opportunitajiet għal SMEs Maltin; il-ħiliet tal-gradwati biex jidħlu fis-suq tax-xogħol; it-teknoloġija u kif din qed taffettwa x-xogħol; ir-rwol tar-relazzjonijiet industrijali f’ekonomija dejjem mgħaġġla; u kif l-SMEs huma mistennija jindirizzaw l-impjegabbiltà f’xenarju ta’ nuqqas ta’ qgħad.