Il-ħaddiema m’għandhomx ibatu minħabba l-effetti tal-Coronavirus


  February 28, 2020 9:16 am

Il-UĦM Voice of the Workers tistenna li l-Gvern jaġixxi u jlaqqa’ l-imsieħba soċjali sabiex kemm jista’ jkun jiġi minimizzat ir-riskju li jitfaċċaw każijiet ta’ Coronavirus f’Malta.

Din il-union qed tappella lill-Gvern sabiex issir laqgħa urġenti fi  ħdan l-Employment Relations Board (ERB) fejn hemm  rappreżentanza tal-imsieħba soċjali kollha.

Sadattant il-UĦM tissuġġerixxi li jitwaqqaf kumitat apposta dwar il-Coronavirus magħmul minn rappreżentanti tal-Gvern, fosthom rappreżentanti mill-Ministeru tas-Saħħa kif ukoll rappreżentanti ta’ min iħaddem u rappreżentanti mill-unions. Dan  il-kumitat għandu jiltaqa’ b’mod regolari sakemm din is-sitwazzjoni ma tibqax ta’ riskju għal Malta.

Filwaqt li tinnota li  l-Gvern ħareġ il-pożizzjoni tiegħu dwar il-quarantine leave għall-ħaddiema fis-Settur u s-Servizz Pubbliku, il-UĦM kienet tistenna li l-Gvern bl-istess mod joħroġ avviż legali jew tal-inqas linji  gwida ċari għall-ħaddiema  fis-settur privat. Il-Gvern ma jridx iħares lejh innifsu bħala employer imma bħala l-Gvern tal-pajjiż kollu.

Il-UĦM Voice of the Workers  tisħaq li  fl-ebda ċirkostanza l-ħaddiem m’għandu ibati l-konsegwenzi tal-kwarantina mil-leave tiegħu sakemm ma jkunx iċċarat li jkun  hemm abbuż mill-ħaddiema li mxew kontra  l-miżuri preventivi maħruġin  mid-Dipartiment tas-Saħħa.

Il-UĦM tistenna li l-Gvern jaġixxi b’mod immedjat sabiex jiġi evitat aktar konfużjoni li qed jirrenja bħalissa minħabba in-nuqqas ta’ informazzjoni u direzzjoni nazzjonali.