Il-Gvern ġab lill-pajjiż għarrkopptejh


  December 15, 2019 3:30 pm

“Il-Gvern ġab lil  dan  il-pajjiż għarkopptejh”. Dan qalu Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM  Voice of the Workers, waqt djalogu pubbliku li sar fil-Common Room tal-Università nhar il-Ħamis 12 ta’ Diċembru 2019.

Fl-introduzzjoni ta’ dan id-djalogu, organizzat mill-Fakultà dwar il-Ħarsien Soċjali, Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakultà qal li Malta tinsab f’mument delikat wara li l-investigazzjonijiet dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana  Galizia għadhom ma ġewx konklużi. Hu qal li dan mhux żmien normali u għalhekk persuni minn kull qasam tal-ħajja attendew dan id-djalogu. Andrew Azzopardi qal li għandna niddiskutu soluzzjonijiet li jħolluna mit-taħwid li spiċċajna fih.

Josef Vella,  Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the  Workers, ma qabilx miegħu  u insista li huwa l-Gvern li ġab lil dan il-pajjiż għarkopptejh. Hu qal li s-soluzzjoni fl-immedjat għandha tkun li Joseph Muscat jirriżenja minnufih u  mhux fit-12 ta’ Jannar. Dan biex noqorbu għal  żmien ta’ rikonċiljazzjoni u biex il-pajjiż jgħaddi għan-normalità li jixraqlu.

Josef Bugeja, is-Segretarju  Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), qal li hu ma jemminx li l-Prim Ministru għandu jirriżenja b’mod immedjat għax hi s-sistema sħiħa li hija korrotta.

George Vital Zammit, lettur fl-Università qal li dan il-pajjiż ma  jridx bidla fil-Gvern imma bidla fil-governanza. Hu qal li  xi nies kienu ilhom juruna s-sinjali imma kulma għamilna hu li injorajnihom.

Ina Cutajar, edukatrċi, qalet li l-kriżi politika li qed ngħixu bħalissa ppreżentat lil Malta b’opportunità biex titnieda kampanja edukattiva nazzjonali u l-ħsieb kritiku. Hi qalet li l-edukaturi fallew bħala nazzjon għax fallew  jedukaw lill-poplu biex jaħseb b’mod kritiku u żiedet li ma nistgħux inħallu l-avvenimenti li  għaddejjin  bħalissa jgħaddu mingħajr  ma nibdew kampanja edukattiva nazzjonali dwar id-demokrazija u fuq l-obbligi tal-politiċi.

Il-Professur Arnold Cassola qal li waħda mill-isfidi li għandna hi li nibnu l-Kostituzzjoni mill-ġdid. Hu qal li  ħadd mill-Partit Laburista ma jixraq li jkun Prim Ministru. Hu appella liż-żewġ unions il-kbar biex jordnaw strajk  ġenerali. “Dan  huwa mument opportun biex il-poplu jqum u  jsemma l-vuċi tiegħu”, żied jgħid il-Professur Cassola.

Francois Mifsud, lettur tal-Filosofija, qal li aħna  li  nħallsu t-taxxa għandna d-demm ta’ Daphne Caruana  Galizia mċappsin  fuq idejna għax  ilkoll kemm aħna ħallasna għall-impjieg fantasma li ngħata lill-middleman Melvin Theuma bħala ringrazzjament għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Marie Briguglio qabblet il-kriżi preżenti bħala attentat biex neħilsu mis-sangisugu. Hi qalet li hemm ħafna affarijiet li jridu jsiru wara r-riżenja tal-Prim Ministru u dan biex il-korruzzjoni ma tkomplix tiżdied. Hi tappoġġja t-twaqqif ta’ kampanja edukattiva nazzjonali li tiffoka fuq il-ħsieb kritiku u l-etika.

Fid-djalogu saru interventi minn persuni oħrajn. Pia Zammit, mill-għaqda Occupy Justice, qalet li l-istudenti għandhom ikunu megħjuna biex jeżerċitaw id-dritt li jistaqsu. Quinton Scerri  qal, fost oħrajn, li hemm media houses li qed jitħallsu biex jippubblikaw artikli minn dawk li qed jipprotestaw.

Id-Deputat  Nazzjonalista u Deputat Speaker Claudette Buttigieg qalet li l-politiċi, hi inkluża, iddiżappuntaw lin-nies. “Tkunu żbaljati jekk taħsbu li l-storja se tintemm issa…il-kbir għadu ġej”, qalet Buttigieg.

Elena Tanti Burlò qalet li s-sistema edukattiva Maltija falliet fl-edukazzjoni ta’ ħafna mit-tfal. Flok li jiġu streamed u jiġu mgħoddija f’idejn speċjalisti dwar l-imġieba, ikun aħjar li l-istudenti jiġu mgħallma biex jaħdmu flimkien u jirrispettaw lil xulxin.

Il-Professur Kenneth Wain qal li jekk il-Partit Laburista mhux se jbiddel il-mentalità tiegħu, il-pajjiż mhux se jmur ‘il quddiem. Hu żied li l-approvazzjoni unanima mhix sinjal tad-demokrazija imma sinjal ta’ xi ħaġa ħażina fis-sistema tagħna.

Vicki Ann  Cremona, mill-organizzazzjoni Repubblika, qalet fost oħrajn li jekk il-politiċi jinstabu ħatja kif se jieħdu dak li ħaqqhom? Se jintbagħtu l-ħabs? Hi staqsiet x’tindifa se jkun hemm wara t-tluq ta’ Joseph  Muscat.

Il-Professur Alexiei Dingli qal li  għandu jkun hemm riforma serja fil-Kostituzzjoni fejn verament ikun  hemm is-separazzjoni tal-poteri.

William Farrugia, il-President tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) qal li hu jinsab irrabjat u m’għandux fiduċja fil-pajjiż. Hu qal li qed jikkunsidra li  jmur  jgħix f’pajjiż ieħor għax m’għandux fiduċja li s-sitwazzjoni politika f’dan il-pajjiż se tagħtih futur.