Id-DIER mitlub jiċċara dwar l-employers li ma ħallsux l-€400


  June 11, 2020 4:54 pm

Il-UĦM Voice of the Workers illum bagħtet komunikat bil-miktub lid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi (DIER) dwar il-proċess u tagħrif abbinat ma’ dawk il-ħaddiema li ħadu l-wage supplement ta’ €800.

Il-patt soċjali miftiehem mal-Gvern kien li l-Gvern jagħti €800 u min iħaddem jagħti €400. Wara li qed ikollha diversi mistoqsijiet u lmenti mingħand ħaddiema li mhux qed jirċievu t-top-up mingħand l-employer tagħhom u allura jfisser  li rċevew €800 biss, il-UĦM hi fid-dover li tiċċara din  is-sitwazzjoni u għalhekk bagħtet sett ta’ mistoqsijiet lid-Direttur Ġenerali tad-DIER.

Il-UĦM staqsiet dawn il-mistoqsijiet:-

  1. Kemm saru talbiet (applikazzjonijiet) mingħand l-employers sabiex ikunu eżentati mit-top-up?
  2. Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati u kemm minnhom ġew rifjutati?
  3. L-applikazzjonijiet li ġew approvati, kemm jolqtu ħaddiema?
  4. X’kien il-proċess li addotta d-DIER biex janalizza tali applikazzjonijiet u fuq liema kriterji ġew approvati?

Dawn il-mistoqsijiet intbagħtu fid-9 ta’ Ġunju 2020 u fid-dawl li l-union ma kellha ebda tweġiba bil-miktub  ħasset il-ħtieġa li terġa’ tibgħat komunikat illum sabiex dawn il-mistoqsijiet jiġu mwieġba.

Barra minn hekk, il-UĦM talbet lid-Direttur Ġenerali tad-DIER tidentifika mingħand min ġiet id-direzzjoni biex bħala DG DIER tirċievi l-applikazzjonijiet tal-employer biex jingħataw l-eżenzjoni ta’ €400 bħala top-up fuq it-€800.