Ħtieġa li nirrispondu malajr għall-kriżi nazzjonali li ninsabu fiha


  December 18, 2019 4:05 pm

“Jeħtieġ li nirrispondu kemm jista’ jkun malajr għal din il-kriżi nazzjonali sabiex ma naggravawx is-sitwazzjoni”.

Dan  qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers waqt attività għad-delegati tal-union li saret fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana nhar il-Erbgħa 18 ta’ Diċembru 2019.

Hu ħabbar li l-union mhux sejra tajjeb imma sejra tajjeb ħafna u dan grazzi għax-xogħol siewi li jitwettaq mid-delegati u l-managers tal-UĦM li jirrappreżentawhom. Josef Vella stqarr li f’dawn l-aħħar seba’ snin il-UĦM Voice of the Workers żdiedet b’40 fil-mija. “L-importanti mhux li jiżdiedu l-membri imma li l-union tikber b’mod konsolidat”, saħaq Josef Vella.

Hu qal li s-sena  li  ġejja se tkun sena ta’ ħidma u sena fejn il-union ukoll se  tkun qed tiċċelebra. Dan għaliex il-UĦM Voice of the Workers se tkun qed tlaqqa’ konferenza ġenerali fejn se tkun qed terġa’ taħtar l-uffiċjali tagħha. Barra minn hekk, matul l-2020 se jitnieda l-ewwel ktieb dwar l-istorja tal-UĦM u x-xogħol siewi li għamlet tul dawn l-aħħar 55 sena. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers ħabbar ukoll li lejn tmiem is-sena d-dieħla se jkunu inawgurati l-kwartieri l-ġodda tal-union.

Josef Vella aċċenna dwar is-sitwazzjoni li ninsabu fiha bħalissa, sitwazzjoni fejn il-pajjiż kollu qed iħoss il-kriżi politika li qed tolqot ukoll l-ekonomija u lis-soċjetà. Huwa dmir ta’ din il-union li titkellem u tgħid li dak li hu ħażin huwa ħażin. “Huwa dmir ta’ din il-union biex tiġbed l-attenzjoni tal-politiċi u dan ma tagħmlux biex tiskorja l-punti imma tagħmel dan  b’responsabbiltà”, sostna Josef Vella.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fisser kif din  il-union kienet avviċinata minn xi employers li diġà qed iħossu d-daqqa fuq l-ekonomija. Hu qal li ċertu kumpaniji qed isibu problemi anki biex iġibu l-materja prima. Esportaturi barranin mhumiex qed jaċċettaw transazzjonijiet minn banek Maltin. Josef Vella għamel referenza għal intervista li saritlu minn Fr. Joe Borg fuq Radju RTK meta ssemmiet kumpanija li riedet tagħmel transazzjoni ta’ €30,000 – ċifra li fl-ekonomija mhix xi transazzjoni kbira. Il-bejjiegħ Spanjol ma aċċetta l-ebda transazzjoni minn banek Maltin  u tliet rappreżentanti mill-kumpanija Maltija saħansitra kellhom isiefru b’€10,000 kull wieħed sabiex jagħmlu l-akkwist.

Josef Vella saħaq dwar l-importanza li nirrispondu kemm jista’ jkun malajr għal din il-kriżi nazzjonali. Dan għax l-emorarġija għadha għaddejja u rridu naraw li ma naggravawx is-sitwazzjoni li diġà hija gravi. Għaldaqstant, trid tintrefa’ ir-responsabbiltà politika. “Jekk il-ħaddiem, għal każ tassew trivjali, irid jerfa’ ir-responsabbiltà tiegħu, allura ma nistax nifhem kif il-politiċi li jmexxu dan il-pajjiż ma  jifhmux li anki huma jridu jerfgħu r-responsabbiltà politika”, żied Josef Vella.

Hu qal li “l-ewwel u qabel kollox huwa l-pajjiż, l-ewwel u qabel kollox huma ċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż u l-ewwel u qabel kollox huwa l-ħarsien tagħhom….u rridu nipproteġuhom”.

Josef Vella kompla li “li  UĦM ma tistax tibqa’ siekta; trid titkellem fuq kull sitwazzjoni aħseb u ara f’sitwazzjoni bħal din” filwaqt li żied li “l-viżibbiltà tal-UĦM turi li l-pajjiż għandu problemi kbar”. Hu qal li l-prijorità hi kif se nissalvagwardjaw ix-xogħolijiet tagħna.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li n-negozjati fil-ftehim kollettivi jinsabu staġnati u li l-pajjiż wkoll jinsab wieqaf amministrattivament. Din il-qagħda qed tolqot lill-UĦM Voice of the Workers fil-laħam il-ħaj. Hu appella lid-delegati preżenti biex iwasslu l-messaġġ b’responsabbiltà fil-postijiet tax-xogħol.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, Josef Vella awgura l-isbaħ xewqat għal Milied hieni u fuq kollox għal sena mimlija saħħa lid-delegati preżenti u l-familji tagħhom.