Deċiżjoni f’waqtha li ħalliet il-Farmaċija ta’ Mater Dei miftuħa


  July 28, 2020 6:15 pm

Il-UĦM Voice of the Workers matul l-imxija tal-COVID-19 kienet minn ta’ quddiem sabiex tassigura li kemm il-ħaddiema jkunu protetti, kif ukoll is-servizz, fejn neċessarju, jiġi żgurat li jibqa’ għaddej. Waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kienet rigward il-farmaċija tal-Isptar Mater Dei. Filwaqt li f’April u f’Mejju, l-maniġment tal-Isptar bi qbil mal-Union, ħareġ roster sabiex grupp ta’ professjonisti qatt ma jiltaqgħu ma’ grupp ieħor u għaldaqstant jekk grupp minnhom jiġi affettwat bil-COVID, il-farmaċija tal-Isptar tibqa’ għaddejja, f’Ġunju din id-deċiżjoni mill-maniġment ġiet irtirata. Dan sar anke wara rakkomandazzjoni tal-Kap tal-Infection Control, Dr Michael Borg.

Għaldaqstant, il-UĦM Voice of the Workers, filwaqt li baqgħet tinsisti li l-COVID mhux ħaġa tal-passat, ħarġet direttiva sabiex dawn il-professjonisti anke jekk b’sagrifiċċju min-naħa tagħhom, jibqgħu għaddejjin bix-xift kif kienu. Din id-deċiżjoni tat il-frott wara li l-ġimgħa li għaddiet, wieħed mis-sapport staff tal-Farmaċija ħareġ li kien pożittiv għall-COVID u għaldaqstant kull min kien f’kuntatt miegħu nżamm fi kwarantina. Għalhekk permezz ta’ din id-deċiżjoni l-Farmaċija tal-Isptar baqgħet tiffunzjona.

Il-UĦM Voice of the Workers tappella lit-tmexxija tal-Isptar Mater Dei sabiex taġixxi b’mod responsabbli u tassigura li s-saħħa u s-sigurtà tal-Ħaddiema tiġi ssalvagwardjata.