Budget li beża’ minn diversi sfidi serji


  October 14, 2019 9:33 pm

“Dan huwa budget li beża’ mill-isfida tat-trasport, beża’  mill-isfida ta’ ħaddiema barranin kif ukoll beża’ mill-isfida tal-pensjonanti, mhux tal-lum, imma l-pensjoni taż-żgħażagħ tagħna”. Din il-union ippretendiet li dawn l-isfidi jittieħdu b’serjetà kbira”.

Kliem Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, b’reazzjoni għad-diskors tal-Budget għall-2020 li nqara mill-Ministru tal-Finanzi fil-Kamra tar-Rappreżentanti t-Tnejn 14 ta’ Ottubru 2019.

Josef Vella qal li kien tajjeb li ngħatat żieda wkoll għall-ħobż u għall-ħalib iżda din il-union ippretendiet li din tkun fil-COLA.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers laqa’ b’mod pożittiv it-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul  tal-pensjonanti. 

Aspett pożittiv li ntlaqa’ minn din il-union  hu dak fejn kull kuntratt li jsir fuq xiri ta’ propjetà taħt l-iskema tal-first time buyers, se jkunu eżentati mit-taxxa tal-boll fuq l-ewwel €175,000 minflok fuq l-ewwel €150,000. Madankollu l-UĦM Voice of the Workers kienet ipproponiet li din titla’ sa €250,000.

Il-UĦM laqgħet ukoll l-iskema tal-Equity Sharing fejn il-Gvern se jkun qed isellef €17,500 mingħajr  interessi lil dawk ta’ taħt l-40 sena. Il-UĦM laqgħet ukoll iż-żieda fil-capping tal-kirjiet li minn €14,500 din telgħet għal €19,000 għal persuna li tgħix waħidha u minn €28,600 għal €32,000 fejn tidħol koppja. Għall-UĦM Voice of the Workers dan ifisser li hawn iżjed nies li  qed imorru għall-kirja tal-post milli jkunu sidien ta’ darhom.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-housing soċjali, din il-union kienet qed tippretendi li jkun hemm iżjed impenn mill-Gvern għax fejn jirrigwarda proġett ma kienx hemm data abbinata miegħu.

Josef Vella rrefera wkoll dwar it-traħħis fit-tariffi għal min isuq vetturi li jaħdmu bl-elettriku u qal li din hi xi ħaġa pożittiva b’risq l-ambjent.

Rigward il-kuntratturi, il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers laqa’ l-inizjattiva li dawn jingħataw għajnuna li  tissarraf f’€200,000 biex jixtru makkinarju li ma jniġġisx. Madankollu, din il-union kienet ipproponiet li jitwaqqaf fond sabiex ikunu kumpensati l-vittmi ta’ min ikun ġarrab ħsarat jew twaqqigħ fil-propjetà tiegħu kawża ta’  negliġenza minn min kien responsabbli mill-iżvilupp.

Josef Vella  rreaġixxa wkoll għall-pensjonijiet u qal li filwaqt li ż-żieda fil-pensjonijiet tinkludi l-COLA u din hi xi ħaġa pożittiva, il-UĦM Voice of the Workers tisħaq biex dan  il-Gvern  jaħseb fil-pensjonijiet taż-żgħażagħ. Dan għax b’dak  li qed isir għall-pensjonanti tal-lum qed nindirizzaw l-inadekwatezza tal-pensjonijiet skont kif kien miktub f’rapport tal-Unjoni Ewropea. Din il-union qed tgħid  li minflok nirrepetu dan il-qafas, b’żieda sena wara oħra, nibdew naħsbu għall-pensjoni taż-żgħażagħ tagħna ħalli jkollhom pensjoni adekwata.