Bl-impożizzjoni tal-kwarantina għandu jiskatta l-quarantine leave mingħajr qtugħ fil-paga


  March 2, 2020 2:01 pm

“Jekk il-kwarantina tiġi imposta għandu jiskatta l-quarantine leave mingħajr qtugħ fil-paga.” Dan  qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers b’reazzjoni għal dak li qed jiġri fil-postijiet tax-xogħol minħabba l-Coronavirus.

Din il-union trid li jkun hemm direzzjoni li tagħmel sens għall-pajjiż kollu. Bħalissa  għandna ċirkostanzi fejn qed jinħarġu ċirkolari li jolqtu lill-ħaddiema tal-Gvern. Dan ma jagħmilx sens.

Josef Vella qal li l-UĦM Voice of the Workers qed tiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet ta’ nies ġejjin minn  barra, partikularment mir-Reġjun tal-Lombardia fl-Italja. Hu stqarr li ħaddiem taċ-Ċivil li jirritorna lejn  Malta minn din iz-zona jrid jagħmel 14-il ġurnata self-quarantine u ma jitħallasx tagħhom. Dwar il-ħaddiema tal-Privat, m’hemm ebda  ċirkolari li qed tirregola lill-ħaddiema li jaħdmu ma’ kumpaniji privati. It-turist li ġej mill-istess zona mhux se jiġi Malta u joqgħod self-quarantine.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li l-kwistjoni li qed nitkellmu fuqha hija dwar rakkomandazzjoni. “Imma l-kelma kwarantina, minnha  nnifisha, ma tistax tagħmilha rakkomandazzjoni”, sostna Josef Vella filwaqt li żied “li l-kwarantina jew se tkun imposta bil-liġi kif suppost  jew inkella ma tistax tissuġġerixxi li tikkwarantina ruħek għax hekk tissuġġerixxi  jfisser li wieħed jista’ jieħu s-suġġeriment jew jista’ ma jiħdux”. Josef Vella qal li jekk wieħed  jieħu s-suġġeriment lanqas m’għandu jiġi kkastigat u jitlef 14-il jum ta’ paga”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers ta eżempju ta’ koppja ġejja lura Malta minn barra u t-tnejn li huma jagħmlu s-self-quarantine. “Allura din  il-koppja se tagħmel ġimagħtejn  kull wieħed bla paga u tintbagħtilha t-tobba biex jivverifikaw li qed jagħmlu s-self-quarantine?…lil taċ-Ċivil hekk qed  isirilhom….lil kulħadd se  nagħmlu hekk?”, staqsa Josef Vella.

Hu saħaq li l-Gvern irid  jinsa, għal mument, li huwa l-employer u jittratta din il-kwistjoni billi jkun il-Gvern tal-pajjiż kollu. “U d-direzzjoni tingħata lill-pajjiż kollu”, żied jgħid Josef Vella.

Hu kompla li din  il-union ilha ġimagħtejn għaddejja b’din il-kwistjoni. Josef Vella semma  s-sitwazzjoni fil-portijiet fejn  il-UĦM Voice of the Workers ħadet  miżuri biex tipproteġi lill-ħaddiema  membri tagħha li huma frontliners meta  jitilgħu abbord il-bastimenti.  Il-UĦM Voice of the Workers għandha sitwazzjonijiet ta’ ħaddiema li qed jagħmlu s-self-quarantine u ma jafux jekk humiex se jitħallsu jew le. Il-union iltaqgħet ma’ ħaddiema jistaqsu għaliex iċ-ċirkolari maħruġa mill-Gvern ma jsemmux  il-pajjiżi kollha milqutin bil-virus, ċirkolari li ħolqot xi ftit jew wisq tal-konfużjoni.

Għalhekk il-UĦM Voice of the Workers qed tisħaq  biex ikun hemm direzzjoni bis-serjetà għax din  mhix kwistjoni li tolqot biss lill-ħaddiema taċ-Ċivil jew tal-Privat; mhix kwistjoni dwar il-ħaddiema tal-Gvern  jew  il-ħaddiema tal-Privat. “Issa jew se  nagħmlu miżuri biex flimkien nipproteġu lill-pajjiż kontra l-Coronavirus jew inkella se tibqa’ tirrenja l-konfużjoni”,  kompla Josef Vella.

Il-UĦM  Voice of the Workers tissokta tisħaq li “ma tridx lill-ħaddiema jbatu minn qtugħ ta’ pagi minħabba  l-kwarantina….il-kwarantina mhix xi ħaġa li tagħmilha, jekk trid jew ma tridx”. Josef Vella żied  li jekk il-kwarantina tiġi imposta għandu jiskatta l-quarantine leave u l-ħaddiem  m’għandux għalfejn  ibati minn din is-sitwazzjoni kollha. “Mela, sewwa, ma waqqafna xejn mill-ekonomija imma l-ekonomija tal-familja se titwaqqaf u l-ħaddiema jispiċċa jħallas b’ġimagħtejn paga!”.