Żjara ta’ kortesija mill-kandidat tal-PN għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius


  October 3, 2018 3:36 pm

Bħala parti  mill-kampanja elettorali tiegħu, Peter Agius, kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, għamel żjara ta’ kortesija lil UĦM Voice of the Workers fil-Furjana l-Erbgħa 3 ta’ Ottubru 2018.

Hu ntlaqa’ minn Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, kif ukoll minn Jesmond Bonello,  Edwin Balzan u Gian Paul Gauci, Direttur u Assistenti  Diretturi rispettivament.

Matul il-laqgħa kienu diskussi kwistjonijiet u suġġetti trejdunjonistiċi kif ukoll aspetti li jolqtu s-suq tax-xogħol f’pajjiżna. Fost oħrajn tqajjem is-suġġett tal-ħaddiema barranin u kif dawn qed joħolqu sfidi lis-suq, kif ukoll il-prekarjat, każijiet ta’ diskriminazzjoni u inġustizzji.

Peter Agius apprezza r-rwol u l-kontribut tal-UĦM Voice of the Workers fil-qasam trejdunjonistiku u  s-sehem ta’ din il-union f’fora lokali u oħrajn internazzjonali.

Mal-kandidat Nazzjonalista, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers fakkar fil-proposta ta’ din il-union li ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-Gvern iżda għadha ma ratx id-dawl tax-xemx: dik li l-kuntratti tax-xogħol ikunu reġistrati u nfurzati filwaqt li jkunu disponibbli fuq portal fuq l-internet. Kienu diskussi wkoll il-pensjonijiet u l-UĦM Voice of the Workers reġgħet fakkret dwar l-importanza tal-Pensjoni  tat-Tieni Pilastru mhux għall-ġenerazzjoni tal-lum imma għal dawk li ġejjin.

Fil-laqgħa ma’ Dr. Peter Agius, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers irrefera għall-każijiet li jitressqu quddiem it-Tribunal Industrijali. Hu saħaq li flok ikun immexxi minn Chairperson, it-Tribunal Industrijali jibda jitmexxa minn Maġistat u l-membri fuq it-Tribunal ikunu esperti jew ikollhom għarfien dwar il-liġi industrijali.

Josef Vella żied li trid issir riforma li twassal għal tiġdid f’dik li hi s-separazzjoni tal-poteri; fejn nies f’pożizzjonijiet sensittivi jinħatru b’żewg terzi tal-Parlament; fejn jsiru ħatriet ta’ persuni li jgawdu r-rispett tal-partijiet kollha. Dan  għax il-ġustizzja trid, mhux biss issir iżda tidher li qed issir, u biex l-ġustizja tidher li qed issir l-persuni nkarigati fil-process tal-ġustizzja jridu jkunu persuni li jispiraw liċ-ċittadini li huma persuni integri u liberi biżżejjed sabiex jagħmlu dan.