Xiftijiet inumani fl-impjant tal-Malta North tal-Wasteserv


  July 23, 2018 8:46 am

Il-UĦM Voice of the Workers irreġistrat tilwima industrijali mal-Wasteserv wara li l-kumpanija, minn jeddha u mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-UĦM, ippermetiet l-introduzzjoni ta’ xiftijiet inumani fejn il-ħaddiema saħansitra jkollhom jibdew il-ħidma tagħhom fis-1 a.m.

Dawn il-ħaddiema, magħrufin fil-Wasteserv bħala dawk tad-D-Shift, ingħataw kundizzjonijiet inqas minn kollegi tagħhom, kemm b’nuqqas ta’ allowances, vacation leave, ħlas tal-Ħdud, kif ukoll xiftijiet b’ħinijiet strambi u bla ġurnata ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, kif indikat fil-liġi tax-xogħol.

Dawn il-ħaddiema, dan l-aħħar, avviċinaw lit-taqsima Servizzi u Manifattura tal-UĦM Voice of the Workers u  l-union  talbet biex is-sitwazzjoni titranġa.  Minkejja dan jidher li sal-lum m’hemmx disponibbilita’ li dan ix-xift jiġi rranġat fl-immedjat.

B’hekk il-UĦM issa qed tagħmel talba finali lill-kumpanija biex is-sitwazzjoni ta’ dawn il-membri tkun solvuta u jinbidlu x-xiftijiet biex ikunu ugwali ma’ ta’ ħaddiema oħrajn fil-Wasteserv. Barra minn hekk il-union qed tesiġi wkoll biex isiru l-ħlasijiet ta’ arretrati tan-nuqqasijiet kollha li dawn l-impjegati sofrew.

Għaldaqstant din  il-UĦM Voice of the Workers se tkun qed tagħti l-appoġġ kollu tagħha lill-membri, u lesta li tintroduċi direttivi jekk il-problema ma tissolviex u l-ħaddiema ma jitħallsux dak li hu dovut lilhom.