Titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema ta’ Andrews Feeds (Malta) Limited


  February 23, 2018 10:08 am

Il-UĦM Voice of the Workers għadha kemm ikkonkludiet u ffirmat il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema mhux industrijali tal-kumpanija Andrews Feeds (Malta) Limited.

Din il-union ilha taħdem mill-qrib ma’ dan il-grupp ta’ ħaddiema sa mill-1988 u dan permezz ta’ ftehim kollettivi ġodda li jiġu mġedda kull ftit snin.

Dwar il-ftehim preżenti, kienu investiti diversi sigħat u wkoll kien hemm perijodu fejn ġew applikati azzjonijiet industrijali.  Waqt dan il-proċess il-UĦM Voice of the Workers u l-kumpanija ressqu aktar qrib xulxin u bid-diplomazija u bis-sens komun intlaħaq qbil dwar titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri kif ukoll żidiet fil-pagi li jkopru sal-2019.

Waqt in-negozjati ntlaħaq arranġament fuq l-arretrati u fuq klawsola li minnha se jibbenefikaw dawk il-ħaddiema li se jirtiraw u jkollhom ammont ta’ snin ta’ servizz fil-kumpanija.

Għan-nom ta’ UĦM Voice of the Workers il-firmatarji kienu Mario Sacco, Employment Relations Senior Manager – CBU; Ramon Francalanza, Employment Relations Manager – Taqsima Manifattura u Kummerċ, kif ukoll David Caruana,  Employment Relations Representative.

Il-ftehim ġie ffirmat ukoll minn Joe Farrugia, Direttur Generali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA); minn Peter Gatt, il-General Manager ta’  Andrews Feeds (Malta) Limited u Michael Diacono, Financial Controller.