fbpx

Tissokta l-inċertezza fost il-ħaddiema tal-Enemalta

“Il-ħaddiema tal-Enemalta qed jitħallew fl-għama dwar il-futur tagħhom”. Dan sostnih Jesmond Bonello, il-President tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) f’laqgħa li saret għall-ħaddiema tal-Enemalta fil-kwartieri tal-UĦM, il-Furjana l-Erbgħa filgħodu.

Il-President tal-UĦM stqarr li teżisti lista dwar it-trasferiment tal-ħaddiema iżda qal li dan it-tagħrif mhux qed ikun disponibbli għal kulħadd. Hu rrefera għal każi fejn informazzjoni  dwar il-kwalifiki tal-ħaddiema sparixxiet meta wieħed applika biex ikun trasferit f’post tax-xogħol ieħor.

Jesmond Bonello żied li l-ħaddiema sal-lum ma rċivew ebda garanzija mill-management ta’ Enemalta plc. li t-take home pay tagħhom mhux se tkun mittiefsa. Hu kompla li m’hemm ebda kriterju ċar dwar kif qed jintgħażlu l-ħaddiema, kemm għall-impjiegi mal-istess Enemalta,  kif ukoll għad-deployments; lanqas m’hemm kriterju ċar li ħaddiem ikollu dritt għall-appell.

Marthese Portelli, ix-Shadow Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport, li kienet preżenti matul il-laqgħa, qalet, fost oħrajn, li l-Oppożizzjoni hi ħerqana u tinsab lesta li tgħin lill-ħaddiema kollha, mhux biss dawk li huma membri fil-UĦM. Hi rreferiet għad-deployment tal-ħaddiema u saħqet li l-proċess bl-ebda mod m’hu qed ikun trasparenti. Marthese Portelli sostniet li mhux veru li l-lista dwar id-deployment tal-ħaddiema, ġiet pubblikata.

Intant f’komunikazzjoni bejn Gotthard Tabone, is-Segretarju tat-Taqsima Manifattura u Kummerċ tal-UĦM u Raymond Azzopardi, General Manager u Direttur tal-kumpanija Engineering Resources Limited fit-2.45 p.m. tal-Erbgħa, il-UĦM ingħatat kopja tal-lista uffiċjali dwar il-vakanzi li jeżistu għall-ħaddiema tal-Enemalta.

Il-UĦM temmen li m’għandhiex tagħmel kapital fuq din il-lista bħalma seta’ għamlet union oħra u se tibgħat din il-lista lill-ħaddiema membri tagħha sabiex ikollhom l-informazzjoni kollha. Dan biex jagħmlu l-aħjar għażla għall-futur tagħhom.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment