Tikseb l-għarfien biex tirrapreżenta lill-ħaddiema fil-Veterinary Support Stream


  August 7, 2017 12:22 pm

Il-UĦM Voice of the Workers  ingħatat l-għarfien ewlieni sabiex tirrapreżenta lill-ħaddiema fi gradi tal-Veterinary Support Stream impjegati mas-Servizz Pubbliku.

Dan tħabbar wara żjara li l-UĦM għamlet ħdejn il-Biċċerija ta’ Għawdex fil-jiem li għaddew. Preżenti kien  hemm Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv; Edwin Balzan, Assistent Direttur; u Joseph Sultana, ir-rappreżentant ta’ din il-union f’Għawdex.

Ir-rikonoxximent fil-Veterinary Support Stream kien possibbli wara proċess ta’ verifika li fih kien ikkonfermat li l-UĦM kienet il-union bil-maġġoranza ta’ imsieħba f’din l-kategorija.

Dan sar wara li l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema taw fiduċja lill-UĦM u ssieħbu fi tmiem ħidma sfiqa li damet diversi xhur sabiex dawn il-ħaddiema jingħataw l-importanza xierqa.

Aktar minn hekk il-UĦM, permezz tat-Taqsima Ħaddiema mal-Gvern, se tkompli tenfasizza li d-diskussjonijiet jibdew kemm jista jkun malajr sabiex il-ħaddiema f’din l-kategorija jkollhom kundizzjonijiet u opportunitajiet aħjar f’dan il-post tax-xogħol.

Intant fil-jiem li ġejjin, din il-union se tkun qed tlaqqa’ lill-ħaddiema kollha sabiex tilqa’ l-proposti u s-suġġerimenti tagħhom. Dan  malli tibda l-proċess tal-ftehim settorali.  It-Taqsima tilqa’ lil dawn il-ħaddiema u tirringrazzjahom tal-fiduċja tagħhom fis-servizz mogħti minn UĦM Voice of the Workers .