fbpx

Tfaddil illum għall-pensjoni ta’ għada

 

Pensjoni

Meta nisma’ l-kelma pensjoni – u din tissemma’ ftit mhux ħażin, moħħi mill-ewwel imur għall-karta anzjan, li naħseb ħafna jippreferu tissejjaħ il-karta tat-terza età għax din tax-xjuħija bla dubju li mhux kulħadd tinżillu tajjeb, għalkemm hija dgħajsa li kulħadd jasalu ż-żmien li jirkeb fuqha! Imma, hi x’inhi, hija l-ewwel pass li jqarreb għall-pensjoni!

Hija ferm sabiħa li wara li tkun ħdimt għal medja ta’ erbgħin sena, forsi kabbart familja u tajt kontribut kemm flaħt fis-soċjetà li tappartjeni minnha, jasal dan iż-żmien fejn tibda taħseb li tgħix l-aħjar snin ta’ ħajtek. Tistrieħ! Imma kemm qed jiġri hekk fir-realtà tal-lum? U x’qed jesperjenzaw ix-xjuħ tagħna?

Kif ġie indikat mill-aħħar statistika maħruġa mill-NSO turi li ħdax fil-mija tal-popolazzjoni Maltija hija persuni ’l  fuq minn sebgħin sena u persentaġġ għoli minn dawn qed jgħixu fil-faqar.  L-anzjan li jgħix bil-pensjoni, meta jipprova jqassamha għall-ħtiġijiet ta’ kuljum, bilkemm isib li twasslu sat-tielet ġimgħa tax-xahar. Allura fl-aħħar ġimgħa tax-xahar, x’jagħmel? Ma jikolx u joqgħod f’rokna jistenna l-pensjoni li jmiss? U dan għala?  Għax ħafna mix-xjuħ jirċievu pensjoni miżerà li ma tirrifletti xejn il-kontribut li taw lis-soċjetà? Jew għax illum dak ix-xiħ li suppost qiegħed id-dar flimkien ma’ martu għall-kwiet, qed jerġa’ jkollu jibda l-ħajja mill-bidu għax qed jispiċċa jrabbi t-tfal tat-tfal? U f’dak iż-żmien li suppost li neħħejt kull responsabilità għax issa l-uliedek kabbarthom, qed tidħol f’responsabbiltà ħafna ikbar u b’ħafna iktar spejjeż bit-tfal ta’ wliedek?

U min m’għandux tfal u familja u jispiċċa waħdu wara tant snin ta’ ħidma? Persuni li spiċċaw dipendenti imma m’għandhomx min jieħu ħsiebhom? Tajjeb kieku tista’ tapplika għal xi dar privata, kollha lussu, imma kieku mhux il-pensjoni trid fix-xahar biex tlaħħaq mal-ispiża ta’ dawn id-djar!

Sabiħa mmens mela din l-età tal-pensjoni! U la nirċievi l-karta anzjan jew fuq il-karta tal-identitá tiżdied nota – 60 plus – ? X’inhu l-futur tagħna bid-diskussjoni dejjem għaddejja fuq dan is-suġġett? Bid-diskussjonijiet u l-paroli biss, għandna parti mis-soċjetà li qed tbati u f’dak li hu suppost żmien sabiħ f’din l-età sabiħa mmens, qed ikun l-iktar żmien ta’ wġigħ u tad-dwejjaq. U int? Trid tixjieħ? Jew qed taħseb li tagħmel xi pjan ta’ rtirar  biex meta tirtira mix-xogħol jkollok somma sabiħa taħt rasek u ma tiġi bżonn ħadd? Jew dak li taqla’ bħalissa bilkemm qed iservik biex tgħix aħseb u ara kemm se jirnexxielek tfaddal biex tagħmel pjan għal meta tixjieħ?

Mela jekk mhux qed twarrab, insa li se jkun żmien ta’ rilassament ż-żmien li jwassalek għall-pensjoni! Taħseb xejn fuq dan iż-żmien? U x’tissuġġerixxi?

Marica Mizzi

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment