Sospiżi d-direttivi lill-parkers tal-G4S fl-Isptar Mater Dei


  July 28, 2017 4:18 pm

Il-UĦM Voice of the Workers issospendiet, b’mod temporanju, id-direttivi li ġew ordnati lill-parkers tal-G4S imseħbin fi ħdanha u li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei. Id-direttivi kienu ġew ordnati nhar it-Tlieta li  għadda għax il-kumpanija ma rrikonoxxietx lil din il-union biex tirrapreżenta lill-ħaddiema membri. Dan minkejja li l-UĦM għandha l-maġġoranza tal-ħaddiema tal-kumpanija mseħbin magħha.

Id-direttivi wkoll kienu ġew ordnati għax il-parkers tal-G4S fl-Isptar Mater Dei qed jaqilgħu paga differenti minn ħaddiema oħrajn li jagħmlu l-istess xogħol mal-kumpanija. Barra minn hekk, l-istess parkers li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei ġew iddiskriminati minn sahra li hi nqas minn dik stabbilita.

Il-UĦM eskalat din il-kwistjoni quddiem id-Direttur tax-Xogħol u saru diskussjonijiet mal-management tal-kumpanija G4S. Waqt din il-laqgħa rriżulta li ċertu proċeduri  jistgħu jkunu illegali u kontra l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Jidher li fl-Isptar Mater Dei qed isir sub-contracting mill-kumpanija li tħaddem lill-ħaddiema tas-security u l-parkers biex din tkun tista’ tagħti rati inqas ta’ sahra minn dawk stipulati fil-liġi.

Għalkemm il-G4S għadha qed tikkontesta li tagħti r-rikonoxximent lill-UĦM biex isir ftehim kollettiv xieraq għal dawn il-ħaddiema, din il-union xorta waħda qed taqbeż għall-membri tagħha individwalment.

Intant id-direttivi ġew sospiżi temporanjament, sakemm id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu fuq is-sub-contracting u r-rati tas-sahra. Il-UĦM Voice of the Workers qed tibqa’ tinsisti mad-Direttur tax-Xogħol sabiex tkun indirizzata din il-forma ta’ prekarjat fost il-ħaddiema membri tagħha u li dawn jitħallsu skont il-liġi.