Rebħa oħra għal UĦM Voice of the Workers


  March 2, 2018 1:11 pm

Il-UĦM Voice of the Workers rebħet ir-rikonoxximent tal-ħaddiema tal-Mediterenean Conference Centre (MCC) wara votazzjoni li saret illum il-Ġimgħa 2 ta’ Marzu 2018. Irriżulta li 61 fil-mija tal-ħaddiema vvotaw favur din il-union.

Il-proċess ta’ votazzjoni tmexxa mid-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) fil-Mediterenean Conference Centre stess. Il-proċess sar billi l-ħaddiema ngħataw karta tal-votazzjoni li fuqha kellhom mistoqsi jekk humiex membri f’union u liema union iridu li tirrapreżentahom.

Il-ħaddiema li setgħu jieħdu sehem fl-elezzjoni kienu skont il-listi ta’ ħaddiema msieħba fil-unions provduti mill-management tal-kumpanija u miż-żewġ unions rispettivi. Dawn il-listi tqabblu mill-uffiċjali tad-DIER qabel il-votazzjoni fil-jiem li għaddew. Preżenti jsegwu l-andament tal-votazzjoni, minbarra uffiċjali tad-DIER, kien hemm rappreżentanti tal-UĦM Voice of the Workers u tal-General Workers’ Union (GWU).

Il-maġġoranza tal-ħaddiema tal-MCC ingħaqdet mal-UĦM Voice of the Workers ftit xhur ilu wara li kienu diżappuntati bil-ħidma ta’ union oħra li kienet ilha rikonoxxuta għal snin twal.

Intant mill-ġimgħa d-dieħla l-UĦM Voice of the Workers se tkompli bil-ħidma tagħha fil-Mediterenean Conference Centre sabiex tara li l-ħaddiema ta’ din il-kumpanija jiksbu lura titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u jkollhom il-garanzija li l-UĦM se tkun hemm biex tħares drittijiethom.

Bla dubju, din il-union se tkun qed taħdem u tistinka sabiex isiru negozjati dwar ftehim kollettiv fl-iqsar żmien possibbli.

Għal UĦM Voice of the Workers, dan ir-riżultat jikkonferma kemm il-ħidma tagħha hi kredibbli, determinata, persistenti u kompetenti.