fbpx

Prospetti sbieħ għall-UĦM Voice of the Workers fl-2018

“Il-futur ta’ din il-union hu kbir għax qiegħda hemm biex tagħti servizz ġenwin lill-ħaddiema li għandhom bżonn”.

Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, f’diskors qasir waqt riċeviment għad-delegati tal-union li sar fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana nhar it-Tlieta 19 ta’ Diċembru 2017.

Josef  Vella rringrazzja lid-delegati kollha preżenti tal-għajnuna u s-servizz lill-union biex taqdi l-missjoni tagħha. “Fl-aħħar mill-aħħar il-union għandha bżonn id-delegati, ir-rappreżentanti u l-istaff tagħha – huma fejn huma”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.

Hu fakkar kif din il-union, matul is-sena li dalwaqt tintemm, wettqet ħidma sfiqa, fosthom b’numru ta’ ftehim kollettivi u diversi każijiet individwali li  ġew trattati mill-managers u l-assistant  managers.

Josef Vella stqarr li l-2018 mistennija tkun sena b’saħħitha daqs din  is-sena li waslet fl-aħħar jiem tagħha. “Jidher li x-xogħol hu kbir u l-ħidma se tkun ukoll kbira”, sostna l-Kap Eżekuttiv  tal-union.

Hu fisser li għad iridu jsiru diversi ftehim kollettivi kif ukoll l-iżvilupp ta’ proġetti li din  il-union  se tkompli tagħmel biex tkun eqreb mal-ħaddiema membri tagħha. Josef Vella qal li fis-sena d-dieħla, sal-bidu ta’ Mejju meta ssir l-attivita’ biex jitfakkar Jum il-Ħaddiem, il-UĦM Voice of the Workers se tkun f’pożizzjoni li tniedi proġetti ġdid. L-intenzjoni ta’ din l-inizjattiva hi li l-union tkun aktar qrib il-membri u li s-servizzi li għandha l-union ikunu għad-dispożizzjoni tal-membri kollha.

Il-Kap Eżekuttiva ta’ UĦM Voice of the Workers ħabbar li f’Lulju tas-sena d-dieħla se jibda wkoll il-proġett  ta’ tisbiħ tal-Head Office tal-union. Hu qal li x-xogħol ta’ dan il-proġett se jkun wieħed intensiv b’investiment ta’ €300,000 – liema flus ġew mingħand il-membri.

“Għaldaqstant irridu napprezzaw  il-kontribut tal-membri, il-kontribut li  jagħti kull individwu…..il-union ħadmet bil-għaqal u mill-miżata ta’ €42 li tiġbor minn kull membru fis-sena, kopriet mhux biss l-ispejjeż tagħha imma warrbet flus biżżejjed sabiex mis-sena d-dieħla jibda x-xogħol fuq il-kwartieri l-ġodda”.

Josef  Vella żied li dan kien imwiegħed fil-Konferenza Ġenerali fl-2015 u “sal-2020 irrid nara li dan jitlesta ħalli  fil-Konferenza Ġenerali li jmiss jintwera Head Office ġdid b’aktar ħidma sfiqa b’risq il-membri tagħha”.

 

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment