Proposta għal paga minima li tagħti valur lill-ħaddiema fid-dinja tax-xogħol


  February 7, 2017 9:44 am

Pic 2

Il-UĦM Voice of the Workers ippreżentat proposta għall-aġġustament tal-paga minima lill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fid-Dar Ċentrali, Tal-Pieta’ it-Tnejn 6 ta’ Frar 2017.

L-istess proposta kienet ippreżentata lill-Prim Ministru f’laqgħa li saret fil-Berġa ta’  Kastilja, il-Belt  fil-jiem li għaddew.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li l-Partit Nazzjonalista qed jagħti importanza kbira lill-kwistjoni tal-paga minima u l-livell tal-għixien għax din tolqot lin-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Simon Busuttil qal li llum hawn  numru ta’ problemi soċjali li wieħed ma jistax ma jagħtix kashom. Dawn jinkludu kwistjonijiet  bħall-paga li mhix qed isservi sal-aħħar tax-xahar, il-pensjoni li wkoll mhix qed isservi sal-aħħar tax-xahar kif ukoll il-kwistjoni tal-housing li saret problema soċjali gravi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser li wara li l-Front Kontra l-Faqar ħareġ bi proposti dwar il-paga minima, il-Partit Nazzjonalista rreaġixxa mill-ewwel u qal li wasal il-mument li l-paga  minima tiżdied f’Malta. Dan  sabiex in-nies ikunu jistgħu jlaħħqu finanzjarjament sal-aħħar tax-xahar.

Simon Busuttil laqa’ l-impenn  tal-UĦM Voice of the Workers fit-tfassil u t-tnedija ta’ din  il-proposta filwaqt li żied li l-Partit Nazzjonalista lest li jagħti l-appoġġ tiegħu.

Josef  Vella, il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice  of the Workers, qal li l-kwistjoni tal-paga minima issa ħadet żvolta differenti u l-union,  bħala parteċipanta fil-MCESD, ippreferiet li kieku din il-kwistjoni kienet  trattata  f’dan l-organu bħala parti mid-djalogu soċjali fil-pajjiż.

Hu qal li  lil  hinn  mill-politika, il-UĦM Voice  of the Workers għandha d-dmir u d-dover  tagħha li tipprovdi l-aħjar proposta – proposta li tixraq u li  tagħti valur lill-ħaddiem fid-dinja tax-xogħol.

Għall-UĦM Voice  of the Workers, il-paga  minima  u l-faqar mhumiex l-istess ħaġa. Filwaqt li l-UĦM qed tippreżenta l-proposta tagħha dwar il-paga  minima, ma jfissirx li din  hi s-soluzzjoni dwar il-faqar f’Malta. Josef Vella enfasizza dan kollu għax hemm barra qed tiċċirkola  l-idea li kif il-problema tal-paga minima tissolva, il-problema  tal-faqar ukoll tissolva. “Dan mhux minnu u nkunu qegħdin nidħku bin-nies jekk nippruvaw inwasslu dan  it-tip ta’  messaġġ”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.

Josef Vella fisser  li hemm żewġ grupp ta’ ħaddiema: hemm il-ħaddiema li huma membri f’union u hemm ħaddiema li mhumiex imsieħba  f’union. Dawk li  huma f’union huma koperti bi ftehim kollettivi u parti min-negozjar kollettiv issir sabiex il-pagi u s-salarji jitjiebu. Hawnhekk il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers saħaq li m’hemm ebda ħaddiem imsieħeb fil-union  li jitħallas bil-paga minima tax-xogħol li jagħmel.

Għal UĦM Voice  of the Workers, dan  jindika li meta ħaddiem ikun membru  f’union ikun  hemm titjib tanġibbli fil-kundizzjonijiet  tax-xogħol.

Din il-union ukoll qed tgħid li jrid jinstab mekkaniżmu biex id-djalogu soċjali f’Malta jkompli jissaħħaħ. Ma  jistax ikun li f’pajjiżna jkollna mekkaniżmu fejn xi ħadd  li mhux parteċipi fid-djalogu soċjali  jgħolli jdejh u jinsisti biex il-paga minima togħla u sa  frattant  din togħla. Jekk dan iseħħ  mingħajr ma norbtu dawk il-postijiet tax-xogħol li għandhom ftehim  kollettiv,  ifisser  li dan  jista’ jġib żbilanċ fir-relattivita’ tal-pagi.

Il-UĦM Voice  of the Workers qed tipproponi li  tlaqqa’ dawn  iż-żewġ aspetti flimkien: jiġifieri li wieħed jidentifika dawk il-ħaddiema f’setturi partikulari li l-paga minima tagħhom trid tiżdied, ix-xogħolijiet li qed jagħmlu, ikunu identifikati wkoll dawk il-ħaddiema u l-postijiet  tax-xogħol li huma  koperti  bil-ftehim kollettivi u tkun ikkalkulata l-medja tas-salarji li qed jaqilgħu dawn  il-ħaddiema (minimum weighted average) fuq il-kundizzjonijiet  li jkunu qed jiġu  negozjati mill-unions kollha.  B’riżultat  ta’ dan  kollu tkun  tista’ tinħareġ il-paga minima minn dawk  il-ħaddiema li  jkunu  qegħdin madwar il-mejda tad-djalogu soċjali.

Josef Vella stqarr li b’hekk ikun qed isir tisħiħ tad-djalogu  soċjali u jekk ma  jsirx hekk allura d-djalogu soċjali jkun taħt theddida.  Hemm soluzzjonijiet li joħorġu madwar il-mejda tan-negozjati u hemm negozjati li jiġu apparti. “Jeħtieġ li nibqgħu  magħqudin speċjalment fejn  jidħol  il-ħaddiem u għandu jsir minn  kollox biex is-suq tax-xogħol ma jinqasamx. Jekk jiġri hekk allura tkun  telfa  għall-ħaddiem,” temm jgħid  il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers.

Preżenti għall-okkażjoni, għan-nom ta’ UĦM Voice of the Workers, kien hemm Jesmond  Bonello,  Direttur;  Edwin  Balzan,  Assistent Direttur, Gian  Paul Gauci, Assistent Direttur u Dr. Philip von  Brockdorff, konsulent u rappreżentant tal-union fil-EESC.

Għall-Partit Nazzjonalista kienu preżenti Mario de Marco, Viċi Kap u Shadow Minister għall-Finanzi; Carm  Mifsud Bonnici,  Kelliem għax-Xogħol, ir-Relazzjonijiet Industrijali u d-Drittijiet tal-Ħaddiema  kif ukoll Ivan Castillo, President  tas-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN).