L-inġiniera fil-FMS se jgawdu minn ftehim kollettiv ġdid


  March 7, 2019 12:25 pm

Il-UĦM Voice of the Workers u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) iffirmaw ftehim kollettiv li jikkonċerna lill-inġiniera li  jaħdmu fi ħdan  il-Fondazzjoni.

Il-ftehim, li jkopri l-perijodu 2018 – 2022, fost oħrajn se jkun qed itejjeb is-salarji tal-inġiniera u se jagħtihom opportunita’ biex jimxu ‘l quddiem fil-karriera tagħhom.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers irringrazzja liż-żewġ partijiet, jiġifieri lill-uffiċjali tal-union kif ukoll dawk tal-management  tal-FMS, għall-kollaborazzjoni tagħhom biex dan il-ftehim seta’ jiġi konkluż. Josef Vella rringrazzja lill-ħaddiema li għenu fit-tfassil tal-proposti bl-iskop li jkun ippreżentat pakkett xieraq ta’ inċentivi.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fisser li l-FMS tipprovdi, fost oħrajn, servizz importanti ta’ project management kif ukoll servizzi tekniċi fi ħdan is-settur wiesa’ tas-saħħa. Josef Vella qal li l-ħaddiema tal-Fondazzjoni għandhom rwol importanti fil-ftehim kollettiv.

Hu rrefera għall-għan tal-Fondazzjoni li tistinka biex iżżomm ħaddiema ta’ kwalita’ u awgura biex dan il-ftehim kollettiv ikun għodda oħra f’idejn il-Fondazzjoni ħalli tilħaq il-miri tagħha.

Joseph Sammut, il-President tal-Bord tal-FMS stqarr li dan il-ftehim se jgħin fit-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tal-inġiniera u fl-istess ħin għandu l-iskop li jħajjar inġiniera ġodda biex jaħdmu mal-Fondazzjoni. Hu qal li  l-FMS għandha diversi responsabbiltajiet u b’dan il-ftehim se tkun tista’ timxi ‘l quddiem.

Preżenti għall-okkażjoni kien hemm Gian Paul Gauci, Assistent Direttur; Mario Sacco, Employment Relations Assistant Manager kif ukoll Ian Mark Zammit, Employment Relations Assistant Manager fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers.

Minn fost ir-rappreżentanti tal-ħaddiema, kienu preżenti Edith Debono, Anthony Mifsud, Mark  Anthony Bonnici u Martin Zammit.

Attendew ukoll Carmen Ciantar, il-Kap Eżekuttiv  tal-FMS  kif ukoll Dajana  Laketic, Kap tar-Riżorsi Umani tal-FMS.