Kunsill tal-Ħiliet: għaliex le?


  November 9, 2017 3:08 pm

“Hemm bżonn ta’ Kunsill tal-Ħiliet sabiex ikunu analizzati dawk il-ħiliet fis-suq tax-xogħol għall-ġejjieni.” Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, f’seminar organizzat mill-MEUSAC bit-tema The European Commission’s Reflection Paper on the Social Dimension of Europe li sar fil-Lukanda Palace, Tas-Sliema l-Ħamis 9 ta’ Novembru 2017.

Fl-introduzzjoni tas-seminar, Vanni Xuereb, il-Kap tal-MEUSAC, staqsa jekk il-Unjoni Ewropea hix qed tiffoka biżżejjed fuq id-dimensjoni soċjali b’risq iċ-ċittadini Ewropej. Hu qal li Malta għandha ħafna x’tikkontribwixxi f’dan il-qasam, partikularment fid-drittijiet soċjali. Il-Kap tal-MEUSAC stqarr li r-reflection paper u l-Pilastru Ewropew dwar id-Drittijiet Soċjali huma importanti sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikollhom kwalita’ tal-ħajja aħjar.

Aaron Farrugia, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali, qal li s-suq tax-xogħol irid jimraħ f’aspetti differenti. Hu qal li Ewropa soċjali trid tkun waħda fejn ma jkunx  hemm ostakli fl-edukazzjoni, fejn ikun  hemm soċjeta’ ġusta u fejn ikun hemm opportunitajiet għal kulħadd. Is-suċċess tal-Ewropa jista’ jintwera biss jekk isiru l-bidliet neċessarji.

Fabiana Pierini, mill-Kummissjoni Ewropea, qalet li d-dimensjoni soċjali trid tissaħħaħ billi, fost oħrajn, ikun hemm tkabbir fir-riżorsi umani bl-iskop li jkun hemm aktar produttivita’.

Antonella Gatt, Attache’ dwar ix-Xogħol u l-Politika Soċjali fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fl-UE, qalet li l-politika soċjali dejjem kienet parti mill-evolviment tal-Unjoni Ewropea. Hi qalet li hemm 1.7 miljun ċittadin madwar l-Ewropa li jinsabu fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Fit-tieni parti tas-seminar, saret diskussjoni dwar is-suq tax-xogħol u aspetti soċjali fl-Unjoni Ewropea. Matul id-diskussjoni, li tmexxiet mill-ġurnalista Norma Saliba, ħadu sehem Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Joseph Farrugia, id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) u Reuben Fenech, Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).

Josef Vella fakkar li l-UĦM Voice of the Workers, fis-snin li għaddew, kienet saħqet  dwar il-bżonn li jitwaqqaf kunsill tal-ħiliet sabiex wieħed janalizza x’inhuma l-ħiliet tal-futur. Hu appella biex dan il-kunsill, li jissemma’ fil-ftehim Jobs+, jagħmel studju dwar l-aktar ħiliet bżonnjużi għall-ġejjieni.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li fir-reflection paper hemm msemmija l-erba’ libertajiet iżda llum rridu nitkellmu dwar libertajiet oħrajn, fosthom, il-liberta’ mill-biżgħa. Hu qal li rridu nsibu bilanċ bejn il-libertajiet disponibbli fis-suq tax-xogħol u nagħtu kas dawk il-libertajiet l-aspett soċjali.

Dwar il-kwoti ta’ ħaddiema b’diżabbilta’, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li minflok qed nagħtu kas ta’ x’kapaċi jagħmlu persuni bi bżonnijiet speċjali, qed naraw x’ma  jafux jagħmlu. Għalhekk għandna niffokaw aktar fuq l-abbiltajiet tal-persuna u mhux fuq id-diżabbilta’ tagħha. Josef Vella stqarr li jekk irridu nidentifikaw ruħna bħala ċittadini Ewropej, għandna nelaboraw iżjed il-qasam soċjali.

Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li rridu naħsbu fit-tul dwar l-iżvilupp tal-ekonomija. Hu qal li għandna nitkellmu mhux biss fuq ix-xogħolijiet tradizzjonali, imma nagħtu aktar attenzjoni lix-xogħolijiet moderni tal-lum, li minnhom infushom iridu jingħataw il-protezzjoni meħtieġa. Hu żied, fost oħrajn, li hawn bżonn ta’ politika nazzjonali dwar l-integrazzjoni.

Joe Farrugia, id-Direttur Ġenerali tal-MEA, qal li hemm xogħolijiet li mhumiex qed jagħmluhom il-Maltin. Hu qal li l-ħaddiema barranin qed jagħmlu tajjeb biex jimlew il-vojt ta’ xogħolijiet li mhumiex meħudin mill-Maltin, fosthom fil-qasam tal-kura u dak tal-catering. Dwar l-ekonomija diġitali, Joe Farrugia qal li din għad taffettwa lis-soċjeta’ kollha. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ aktar taħriġ fil-ħiliet diġitali. Wieħed jantiċipa nuqqas fid-domanda ta’ xogħol tas-snajja’ u bżonn akbar ta’ impjiegi fl-ekonomija diġitali.

Reuben Fenech qal li mill-istatistika jirriżulta li hawn 65 fil-mija ta’ persuni b’diżabbilta’ li kapaċi  jaħdmu għandhom bejn il-15 u l-64 sena. Hu qal li  bħala Maltin, irridu nkunu attivi u stqarr  li l-ġenerazzjoni tal-lum tinsab imħassba dwar il-ġenerazzjonijiet  ta’ għada. Staqsa jekk aħniex nisfruttaw il-ġenerazzjoni tal-lum għad-detriment tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada.