Kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema ta’ Jobs Plus


  October 11, 2017 2:44 pm

Il-UĦM Voice of the Workers u Jobs  Plus iffirmaw ftehim kollettiv li permezz tiegħu l-ħaddiema se jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet  tax-xogħol u fis-salarji tagħhom.

F’laqgħa li saret fil-Head Office ta’ Jobs Plus f’Ħal Far it-Tlieta 10 ta’ Ottubru, iż-żewġ naħat irringrazzjaw lil kulmin ikkontribwixxa biex intlaħaq qbil dwar dak li ġie negozjat b’risq il-progress fil-karriera tal-ħaddiema.

Jesmond Bonello, Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers, stqarr li l-ftehim mhux biss se jkun qed jara titjib fis-salarji imma wkoll opportunitajiet bħal family-friendly measures sabiex ikun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.

Clyde Caruana, iċ-Chairman ta’ Jobs Plus, qal li l-ftehim kollettiv li ġie ffirmat jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-ħaddiema f’dawn l-aħħar snin kif ukoll ix-xogħol li sar biex jitnaqqas il-qgħad.

Il-firmatarji ta’ dan il-ftehim kollettiv kienu Clyde Caruana, iċ-Chairman ta’ Jobs  Plus; Isabelle Farrugia, Employment Relations Manager, kif ukoll Rigovert Casha u Michel Mifsud, Employment Relations Representatives rispettivament fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers.

Preżenti għall-okkażjoni kien hemm Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers u Frank Fabri, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Ara l-kummenti ta’ Jesmond Bonello, Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers, u ta’ Clyde Caruana,  iċ-Chairman ta’ Jobs  Plus, hawn taħt:-