Jitħabbru azzjonijiet industrijali ġewwa Transport Malta


  December 1, 2017 4:29 pm

Il-UĦM Voice of the Workers illum irreġistrat tilwima industrijali mal-Awtorita’ tat-Transport (TM) dwar in-nuqqas ta’ qbil fuq tliet ftehim kollettivi.

Għalkemm saru diversi laqgħat ta’ negozjati, kemm mal-management tal-istess Awtorita’ kif ukoll mal-Industrial Relations Unit li hu organu li jinnegozja f’isem il-Gvern Ċentrali, ma ntlaħaqx qbil fuq tliet ftehim kollettivi li ilhom li skadew sa mill-2015.

Għal UĦM Voice of the Workers, dan hu inaċċettabbli u għalhekk, din il-union qed tordna lill-membri tagħha fl-Awtorita’ tat-Trasport sabiex, minn nhar it-Tnejn 4 ta’ Diċembru 2017, ma jagħmlux użu mill-mezzi ta’ komunikazzjoni kollha, ħlief għal dawk relatati ma’ pagi jew saħħa u sigurta’  fil-post tax-xogħol.

Dawn l-azzjonijiet se jolqot il-gradi amministrattivi, tekniċi, dawk tal-infurzar, kif ukoll gradi maniġerjali u periti fi ħdan din l-Awtorita’.

Intant, din il-union mhux qed teskludi li żżid azzjonijiet industrijali oħrajn ma’ dawn li qed jiġu ordnati ġaladarba il-Gvern ma jbiddilx il-pożizzjoni tiegħu.