Jissoktaw l-isforzi dwar ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Wasteserv


  January 31, 2018 9:19 am

Wara t-tilwima industrijali li rreġistrat mal-Wasteserv, il-UĦM Voice of the Workers b’sodisfazzjon ġiet infurmata li l-kumpanija fil-pront ħadet il-passi meħtieġa sabiex tagħti sensiela ta’ dati ħalli n-negozjati tal-ftehim kollettiv il-ġdid jissoktaw minnufih.

Dawn in-negozjati ma jindirizzawx biss il-ħaddiema tal-Wasteserv, imma anki dawk il-ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur li jipprovdi servizzi lill-kumpanija.

Il-union qed ikollha taħditiet mal-management sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. It-Taqsima Manifattura u Kummerċ fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers qed taħdem bi sħiħ sabiex il-ħaddiema tal-Wasteserv, permezz tal-ftehim kollettiv il-ġdid, igawdu minn żidiet fis-salarji tagħhom, jibbenefikaw minn sigħat ta’ xogħol aktar flessibbli  kif ukoll minn inċentivi fuq il-produttivita’.

L-istess ħaddiema se jkunu qed igawdu minn reviżjoni tal-proċeduri dixxiplinarji kif ukoll minn titjib dwar is-saħħa u s-sigurta’.

Intant kemm il-UĦM Voice of the Workers kif ukoll il-management tal-kumpanija Wasteserv qed jagħmlu l-isforzi kollha sabiex in-negozjati jkomplu bla waqfien għall-ġid tal-ħaddiema u b’risq il-produttivita’ tal-kumpanija.