It-Tribunal Industrijali għandu jitmexxa minn Maġistrat


  February 21, 2019 1:32 pm

“It-Tribunal Industrijali għandu jitmexxa minn maġistrat full-time u mhux minn Chairman maħtur mill-Ministru”. Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers waqt konferenza bit-tema The Reform of the Industrial Tribunal – Why is it necessary, organizzata mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) fil-Lukanda Excelsior, il-Furjana l-Erbgħa 20 ta’ Frar 2019.

Hu fakkar li s-suq tax-xogħol f’pajjiżna jipproduċi kważi €11-il biljun lill-Prodott Domestiku Gross  u allura xieraq li jkollna Tribunal Industrijali li jiffunzjoni bis-serjeta’. Josef Vella qal l-parametri huma meħtieġa sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet. “Jeħtieġ li jkollna għarfien kollettiv dwar kif il-każijiet  ikunu deċiżi”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of  the Workers.

Josef Vella qal li r-riforma fit-Tribunal Industrijali għandha tkun b’mod sħiħ u  allura għandha tkopri l-ħtieġa ta’ bini li jilqa’ it-Tribunal, tisħiħ fl-amministrazzjoni kif ukoll esperti biex jassistu skont il-bżonn.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers saħaq li wasal iż-żmien li l-Gvern jxammar il-kmiem u jagħti l-aħjar deċiżjoni favur is-suq tax-xogħol. “M’għandniex nibqgħu nittalbu għax huwa dritt li jkun hemm struttura adekwata biex tindirizza każijiet marbutin mad-dinja tax-xogħol”, temm Josef Vella.

Dolores Sammut Bonnici, il-President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) introduċiet il-konferenza u fost oħrajn qalet li xi każijiet idumu s-snin biex jinqatgħu. Hi stqarret li l-MEA kienet ippreżentat diversi proposti fl-2014 sabiex it-Tribunal Industrijali jkun ristrutturat.

L-Avukat Andrew Borg Cardona stqarr li hemm numru ta’ chairpersons li lanqas jafu fuq x’hiex qed jitkellmu. Hu qal li l-maġġoranza tad-deċiżjonijiet huma tajbin imma l-prattikanti tal-liġi jsostnu li jeħtieġ li jkun hemm ċertezza u ċarezza dwar il-mod kif għandu jingħata l-kumpens. Hu żied li kienu diġa’ sottomessi diversi proposti tmien snin ilu iżda dawn tħallew fuq l-ixkaffa. Madankollu l-emendi li kienu saru kienu pjuttost kożmetiċi. Fuq kollox, kompla l-Avukat Borg Cardona, jeħtieġ li jkun hemm tribunal li jiffoka purament fuq każijiet relatati max-xogħol. Dan għax sal-lum għad għandna ħames entitajiet differenti li jittrattaw kwistjonijiet marbutin mas-suq tax-xogħol.

Charlotte Camilleri, uffiċjal tal-MEA responsabbli mill-Affarijiet Legali u Ewropej, elenkat il-proposti tal-Assoċjazzjoni għar-riforma tat-Tribunal Industrijali. Il-MEA kienet ipproponiet emendi għall-Att dwar ix-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali (EIRA) fl-2014. Il-MEA qed tipproponi, fost oħrajn, li t-tribunal ikun one-stop-shop. L-Assoċjazzjoni qed tipproponi wkoll li ssir bidla fl-istruttura tat-tribunal, li jkun immexxi minn avukat b’numru ta’ snin ta’ esperjenza, megħjun minn rappreżentanti ta’ min iħaddem u mill-unions. Hi żiedet li ċ-chairpersons jingħataw ir-riżorsi neċessarji biex jassistuhom fil-funzjonijiet tagħhom. Fuq kollox, qalet Charlotte Camilleri, il-mudell tar-Renju Unit – fejn każ jibda u jiġi konkluż fi żmien qasir – għandu jiġi addottat.

Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) stqarr  fost oħrajn li ċ-Chairperson tat-Tribunal għandu jkun aġġornat fuq il-liġi tax-xogħol. Hu saħaq li għandu jkun hemm sistema effiċjenti li twassal għal deċiżjonijiet li jinqatgħu malajr.

Martin Balzan, il-President tas-CMTU, ikkritika l-istruttura arkajka tat-Tribunal li trid tinbidel mill-qiegħ. Hu qal li l-ħaddiema jixirqilhom smigħ xieraq u li jkun effiċjenti. Imma sabiex isir hekk iċ-Chairperson għandu jkollu għarfien fil-liġi.

Chris Attard, mill-Forum Unions Maltin, saħaq li ċ-ċittadini għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma tat-Tribunal Industrijali. Hu qal li r-riforma għandha tkopri  l-għoti tat-taħriġ liċ-chairpersons.

Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg fissret li tista’ issir talba  biex it-Tribunal Industrijali jkun diskuss fil-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali. Hi staqsiet għaliex għandhom isiru emendi fil-liġi meta t-Tribunal mhux qed jiffunzjona tajjeb.

Franco Masini, Chairperson fit-Tribunal Industrijali, tkellem  mill-esperjenza u saħaq li l-każijiet qed idumu biex jinqatgħu. Għalkemm  il-liġi tistipula li l-każijiet għandhom jiġu deċiżi fi żmien xahar, ir-realta’ mhix hekk. Hu enfasizza li ċ-chairpersons għandhom jingħataw taħriġ fil-proċedura tat-Tribunal kif ukoll fil-Liġi Ewropea.

Arthur Muscat, il-Viċi President tal-MEA, qal li minkejja ċ-ċirkustanzi diffiċli li qed jgħaddi minnu, it-Tribunal Industrijali qed jaħdem tajjeb. Hu stqarr li l-MEA trid avukati li jkunu aktar assertivi fil-liġijiet u jinvolvu ruħhom aktar bis-serjeta’.

Diane Vella Muscat, id-Direttur Ġenerali fid-Dipartiment dwar ix-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) saħqet dwar  il-bżonn ta’ strateġija sabiex it-Tribunal Industrijali jiffunzjona aħjar. “Kemm qed inkunu innovattivi u sostenibbli biex din l-istrateġija sseħħ?”, staqsiet Vella Muscat.

Matthew Brincat, mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Avukati li  jispeċjalizzaw fil-Liġi tax-Xogħol (MELA), fisser li fit-Tribunal, fuq naħa hemm avukati li m’għandhomx  esperjenza fil-liġi tax-xogħol, u fuq in-naħa l-oħra hemm chairpersons li jirriċerkaw u jħejju ruħhom qabel xi seduta tant li qed jagħmlu biċċa xogħol tajba.