It-taħriġ hu l-uniku mod kif il-ħaddiem jinbidel għall-aħjar


  July 27, 2018 11:27 pm

Iffirmat ftehim kollettiv  ġdid għall-ħaddiema tal-FSWS

“Ibqgħu għożżu u ndukraw it-taħriġ għax, fi kwalunkwe professjoni, it-taħriġ huwa l-uniku mutur biex il-ħaddiem ikompli jinbidel”.

Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers f’ċerimonja li matulha kien iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS). L-avveniment sar fl-Awla Magna tal-Universita’ il-Qadima, il-Belt il-Ġimgħa 27 ta’  Lulju 2018.

Għall-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, hu unur personali li ġie ffirmat dan il-ftehim għax jiftakar fl-ewwel ftehim kollettiv tal-Fondazzjoni wara li grupp ta’ ħaddiema ħaseb biex jissieħeb f’union. Hu jieħu pjaċir iħares lura u fuq medda ta’ 20 sena ra diversi żviluppi jseħħu dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġewwa  l-Fondazzjoni.

Dwar il-ftehim kollettiv il-ġdid, Josef Vella stqarr li dan se jkun qed ikopri 683 ħaddiem fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ, fl-Aġenzija għall-Ħarsien tat-Tfal, fl-Aġenzija Sedqa, fiċ-ċentri  Leap, fl-amministrazzjoni u  ħaddiema oħrajn li jaħdmu  fil-komunita’. Hu qal li dan il-ftehim, għall-perijodu 2017 u 2021, jinkludi diversi professjonijiet bħal ħaddiema soċjali, psikologi, family therapists, gestalt therapists u community youth workers.

Josef Vella qal li dan il-ftehim se jara bidliet u titjib fis-salarji kif ukoll f’kundizzjonijiet oħrajn sabiex jinstab  il-bilanċ bejn ix-xogħol u  l-familja. Hu stqarr li dwar dan tal-aħħar il-union qed tara fenomenu li l-ħaddiema iżjed qed jiġu bżonn ta’ mezzi sabiex jakkumpanjaw lill-familji tagħhom. “Huwa tajjeb li nkunu sensittivi għal dan  l-aspett  għax fl-aħħar mill-aħħar il-bniedem mhux magħmul biss mix-xogħol  imma jrid jiġi muri b’mod ħolistiku li jgħix f’soċjeta’,”sostna Josef Vella.

Hu tkellem dwar l-importanza tat-taħriġ u qal li l-ħaddiema fi  ħdan il-Fondazzjoni dejjem fittxew it-taħriġ. Hu qal li “l-bidla m’għandhiex tkun biża’ imma trid tintlaqa’ bħala sfida…..wara  kollox id-dinja l-ħin  kollu tinbidel u lkoll kemm aħna rridu ninbidlu…it-taħriġ hu l-uniku mod kif il-ħaddiem jinbidel għall-aħjar”.

Hu stqarr li sfortunatament ix-xogħol li jsir mill-ħaddiema tal-FSWS jittieħed for granted jew inkella, bħal xogħolijiet oħrajn, wieħed jissemma meta tinqala’ xi ħaġa ħażina. Josef  Vella rringrazzja lill-ħaddiema tal-FSWS għall-ħidma siewja li jwettqu, u assigurahom li lkoll kemm huma qed iħallu effett tal-kontribut li jagħtu fil-komunita’.

Josef Vella appella għall-evidence-based social intervention u saħaq dwar  l-importanza li mhux kemm ikollna servizzi, imma kemm is-servizzi qed ikunu kkoordinati fil-komunita’ Maltija u Għawdxija. Hu qal li dawn is-servizzi għandhom ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika ta’ x’hemm bżonn li jsir hemm barra. Josef Vella appella lill-FSWS biex ir-riċerka tkompli tissaħħaħ għal aktar policies soċjali fil-pajjiż. Hu qal li qed isir ħafna xogħol kemm mill-Fondazzjoni kif ukoll minn  għaqdiet mhux governattivi oħrajn imma sfortunatament mhux qed ikun hemm komunikazzjoni u koordinazzjoni effettiva.

“Għandna bżonn policies nazzjonali li jkunu bbażati fuq riċerka u kull min għandu xi xewqa li jwassal servizz irid jagħmel dan b’mod li jirrispondi l-policies  nazzjonali”, sostna Josef Vella. Hu żied li huwa tajjeb li jkollna ħidma soċjali jew ħidma volontarja fil-qasam soċjali imma huwa tajjeb ukoll u għandna obbligu morali li ma nirrepetux; nużaw ir-riżorsi bl-aħjar mod u naraw li nkunu effettivi.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li wasal iż-żmien li fil-qasam soċjali ikun  hemm intervent ta’ investigazzjonijiet u l-intervent ta’ servizzi soċjali u psikoloġiċi. Hu qal  li għandu jkun hemm awtonomija minn dawk li huma servizzi ta’ intervent soċjali u psikoloġiku. Dan għax jekk dawn iż-żewġ funzjonijiet “jintlibsu b’żewġt ikpiepel” jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet ta’ konflitt  ta’ interess. Għaldaqstant wasal iż-żmien għal diskussjoni għax bħalma 20 sena ilu kien  hemm viżjoni, hemm bżonn ta’ viżjoni għall-20 sena li jmiss.

Hu rringrazzja lill-membri tal-Kumitat għax b’mod denju u professjonali kienu l-pont bejn il-ħaddiema u l-union; irringrazzja wkoll lill-management tal-FSWS li rikeb fuq id-dgħajsa mal-union lejn direzzjoni waħda b’risq l-interessi tal-ħaddiema. Irringrazzja wkoll lill-Industrial Relations Unit, lil Alfred Grixti, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS kif ukoll lil Mario Cutajar, is-Segretarju Permanenti Prinċipali. Ringrazzjament speċjali ngħata lil Jesmond Bonello u lil Isabelle Farrugia, Direttur u Employment Relations Manager rispettivament fi ħdan  il-UĦM Voice of the Workers, għax-xogħol siewi li għamlu. Irringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-FSWS talli qed jagħtu kontribut siewi fis-soċjeta’.

Alfred Grixti, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, qal li din hi okkażjoni storika għax il-ftehim kollettiv, fost oħrajn, se jirrikonoxxi għall-ewwel darba rwol ċentrali u aħħari li għandha l-Fondazzjoni f’dak li hu provvediment  ta’ servizzi fil-qasam tal-ħarsien u s-solidarjeta’ soċjali.

Hu fisser li d-diskussjonijiet għal dan il-ftehim kienu mifruxin fuq medda ta’ sena u nofs u b’kollox saru 39 laqgħa. Alfred Grixti stqarr li dan il-ftehim hu tajjeb għall-Fondazzjoni, tajjeb ħafna għall-ħaddiema  u  hu tajjeb ħafna għal persuni vulnerabbli li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Fondazzjoni.

Hu wkoll ftehim storiku, żied jgħid Alfred Grixti, għax joffri career path ċara u distinta lill-professjonisti fi ħdan il-Fondazzjoni, filwaqt li jirrikonoxxi l-ħiliet u l-esperjenzi tagħhom. Se jibbenefikaw, fost oħrajn, minn FSWS allowance ta’ €1,500 fis-sena b’rikonoxximent għax-xogħol dedikat u uniku li jwettqu l-professjonisti ma’ nies vulnerabbli. Minn din l-allowance se  jgawdu 210 professjonist li huma warranted.

Hemm ukoll l-increment u l-collective agreement allowance bħala żieda diretta mal-paga għall-ħaddiema kollha tal-FSWS. Dawn il-ħlasijiet ivarjaw minn €499 fis-sena għall-inqas grad u €1,270 fis-sena għall-ogħla  grad. Dan ifisser li fuq medda ta’ ħames snin l-impjegati tal-FSWS se jieħdu bejn €2,495 sa €6,350 ras għal ras bħala żieda fil-paga tagħhom.

Hemm ukoll l-increment aċċellerat għas-social workers u professjonisti oħrajn bil-warrant. Fil-prattika, social worker jew professjonist ieħor li fl-2016 kellu salarju ta’ €19,491, bl-increment aċċellerat fl-2017 se jibda jieħu €21,536 u jitla’ għal €22,681 fl-2018.

Ġiet introdotta wkoll allowance għall-iżvilupp professjonali, jiġifieri, is-CPD allowance  tal-FSWS. Din se tkun qed tammonta għal €700 fis-sena għal kull professjonist  bil-warrant. Se tkun introdotta wkoll allowance għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu fl-oqsma tal-SAV, tal-Qrati u  taċ-challenging behavior u bħala support workers. Din se tammonta  għal €900 fis-sena. Se jkun hemm ukoll żidiet fl-allowances għal-leaders u l-coordinators li  jmexxu s-servizzi fl-aġenziji fi ħdan il-Fondazzjoni. L-allowance tal-leaders se titla’ għal €2,800 minn €2,500 filwaqt li l-allowance tal-coordinators se titla’ għal €1,350 minn €1,200.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS saħaq li dawn iż-żidiet  kollha jammontaw (bħala spiża addizzjonali ta’ ħames snin) għal €5.8 miljun.

Michael Falzon, il-Ministru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjeta’  Soċjali, faħħar l-importanza li dan il-ftehim kollettiv se jkun qed jagħti lit-taħriġ. Hu qal li ġiet rikonoxxuta n-natura speċifika tal-FSWS bħala entita’ li trid tagħti servizzi delikati lil persuni vulnerabbli. Fl-aħħar mill-aħħar, sostna l-Ministru Falzon, l-għan aħħari hu li  jingħata servizz lil madwar 16,000 individwu fis-sena. Hu saħaq li minn dan il-ftehim se jibbenefikaw il-FSWS innifisha, il-ħaddiema kif ukoll il-klijenti.