Il-Wasteserv tkaxkar saqajha fil-laqgħat ta’ negozjati mal-UĦM Voice of the Workers


  March 7, 2018 2:01 pm

Il-UĦM Voice of the Workers irreġistrat tilwima industrijali ma’ Wasteserv wara li l-management tal-kumpanija qed jonqos milli jattendi għal laqgħat dwar it-tiġdid tal-ftehim kollettiv.

Fil-bidu tal-2017, il-UĦM Voice of the Workers għaddiet il-proposti tal-ftehim kollettiv tal-ħaddiema lill-management tal-Wasteserv.  Dawn ġew mgħoddija xhur qabel l-iskadenza tal-ftehim sabiex ikun hemm żmien biżżejjed għan-negozjati li jwasslu għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Minkejja li l-union, flimkien mal-kumitat tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, huma determinati sabiex in-negozjati tal-ftehim kollettiv mal-kumpanija jitlestew, mhux l-istess qed jingħad għall-management tal-Wasteserv li mhux biss dam sabiex in-negozjati jibdew, iżda sahansitra qed ikompli jkaxkar saqajh u jħassar il-laqgħat li jkunu ilhom ġimgħat prenotati u miftiehma.

Dan l-aġir hu inaċċettabbli u għalhekk il-UĦM Voice of the Workers illum irreġistrat tilwima industrijali mal-kumpanija Wasteserv. Din  il-union tista’ ukoll tordna azzjonijiet industrijali f’każ li ma tiġix skedata sensiela ta’ laqgħat ġodda fi żmien qasir.