Il-UĦM Voice of the Workers hi dejjem lesta biex isservi


  September 29, 2017 1:15 pm

 

Il-UĦM illum tagħlaq 51 sena – aktar minn nofs seklu ta’ impenn u ħidma bla waqfien biex ipprovdiet l-aħjar servizzi lill-membri tagħha.

Din il-union taf il-bidu tagħha fid-29 ta’ Settembru 1966 meta Salvinu Spiteri u Maurice Agius, flimkien ma’ diversi ħaddiema oħrajn, waqqfu l-Malta Government Clerical Union. Sussegwentament din saret il-Malta Government Employees Union sakemm fl-1977 il-union fetħet il-bibien tagħha lill-ħaddiema kollha u saret tissejjaħ Union Ħaddiema Magħqudin.

F’Diċembru 2015, wara bidliet fl-istatut, din il-union bdiet tissejjaħ UĦM Voice of the Workers u llum qed tibbaża ruħha aktar fuq is-servizzi. Fid-dinja moderna li qed ngħixu, il-unions qegħdin hemm sabiex jagħtu servizz kemm jista’ jkun professjonali lill-ħaddiema li jinsabu fis-suq tax-xogħol jew dawk li  huma interessati jidħlu fis-suq tax-xogħol.

X’inhuma dawn is-servizzi? Il-union tagħti, fost oħrajn, servizz edukattiv u l-UĦM Voice of the Workers għandha kumpanija sussidjarja tagħha li toħloq korsijiet speċifiċi għal żgħażagħ li jixtiequ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, għal adulti li jixtiequ jidħlu fis-suq tax-xogħol kif ukoll għal ħaddiema li diġa’ jinsabu fid-dinja tax-xogħol. Il-UĦM tesegwixxi dan b’impenn u bi professjonalita’ kbira għax il-korsijiet maħluqa minnha huma akkreditati. Meta din il-union tkun qed tagħti ċertifikat lil żagħżugħ jew ħaddiem, dan jissarraf għal waqt interview li jsir f’Malta jew f’pajjiżi oħrajn skont is-Sistema ta’ Bologna. Il-ħaddiem mhux talli qed ikun edukat imma qed jingħata ċ-ċavetta biex ikompli jiżviluppa l-karriera tiegħu.

Din il-union ukoll tipprovdi servizz lill-ħaddiem dwar kuntratti ta’ xogħol. Kemm-il darba jiġu ħaddiema u jieħdu parir mingħand il-UĦM dwar jekk il-kuntratt li ngħata jaqbilx għalihom. Il-UĦM Voice of the Workers tieħu gost tagħmel dan ix-xogħol għax tapprezza lill-ħaddiema li jieħdu parir qabel ma jagħmlu dik il-qabża ‘l quddiem.

Ikun hemm nies fid-dinja tax-xogħol li jġarrbu  xi forma ta’ inġustizzja. Din  il-union taf li kien hemm u għad hemm nies li għaddejjin minn xi  forma ta’ inġustizzja jew nies li qed jaqbdu magħhom minħabba opinjoni politika. Il-UĦM ukoll tassistihom f’dawn id-diffikultajiet. Hemm ukoll ħaddiema li jkollhom każi ta’ dixxiplina u, jekk il-ħaddiem għandux tort  jew le, għandu dritt tad-difiża.

Dawn huma fost il-ħemel ta’ servizzi li l-ħaddiem jista’ jikseb mill-UĦM Voice of the Workers. Ma jonqosx l-impenn ta’ din  il-union fil-collective bargaining. Jekk grupp ta’ ħaddiema li jaħdem f’post  tax-xogħol jixtieq itejjeb il-kundizzjonijiet  tax-xogħol, il-UĦM tgħin sabiex il-ħaddiema jgawdu minn  kundizzjonijiet aħjar għalihom u għall-familiji tagħhom.

Il-UĦM ma tkunx qed tesaġera meta tgħid li hi tagħmel mijiet ta’ ftehim  kollettivi, fosthom, mas-servizz pubbliku, ftehim settorali u ftehim ma’ kumpaniji privati. Isiru wkoll għexieren  ta’  Memoranda of Understanding minn uffiċjali full-time fi ħdan il-union li xogħolhom hu proprju fuq hekk.

Il-UĦM Voice of the Workers ilha 51 sena taħdem fil-qasam tax-xogħol u bla tlaqliq tista’ tgħid li qed tipprovdi u tibqa’ tesegwixxi servizzi professjonali lill-ħaddiema minn staff imħarreġ ħafna fis-settur.