Il-UĦM hi union  li tibbaża l-policies tagħha fuq ir-riċerka  u l-evidenza


  November 2, 2018 9:59 am

Fi żjara ta’ kortesija li għamel Michael Briguglio, il-kandidat  tal-PN għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, lil UĦM Voice of the Workers nhar il-Ħamis 1 ta’ Novembru 2018, din il-union ġiet imfaħħra għall-kontribut tagħha fis-settur tax-xogħol u l-qasam soċjali. Michael Briguglio faħħar lil UĦM Voice of the Workers talli dejjem hi preżenti fid-djalogu soċjali u għax tibbaża l-policies tagħha fuq ir-riċerka u l-evidenza.

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, fisser il-missjoni tal-union fis-suq tax-xogħol u qal li l-UĦM tipprovdi servizz lil ħaddiema żgħażagħ, lil ħaddiema bil-familji u lill-pensjonanti.

Dwar il-pensjonanti, Josef Vella qal li l-UĦM Voice of the Workers hi l-unika union li qed tisħaq dwar l-introduzzjoni tal-Pensjonijiet tat-Tieni Pilastru. Hu qal li dwar dawn it-tip ta’ pensjonijiet, irid ikun hemm pjanar maħsub tajjeb. Iżda m’hemmx rieda politika biex dawn il-pensjonijiet jitwaqqfu, għalkemm l-Oppożizzjoni Nazzjonalista semmiet u kkunsidrat il-Pensjonijiet tat-Tieni Pilastru fil-proposti tagħha ta’ qabel il-Budget għas-sena d-dieħla.

Josef Vella żied li l-Kumitat Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) irid ikun indipendenti u jinqata’ mill-Eżekuttiv tal-pajjiż filwaqt li jixpruna bis-serjeta’ l-ideat u proposti biex ikun effettiv.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li  bħalissa m’għandniex problema ta’ sostenibbiltà  tal-pensjonijiet imma trid issir iżjed  enfasi dwar l-adekwatezza. Josef Vella irrefera għal studju li l-UĦM Voice of the Workers qed tagħmel dwar il-pensjonijiet bl-għajnuna tal-Professur Iain Clacher mill-Universita’ ta’ Leeds u ta’ Dr. Philip von Brockdorff, il-Kap tad-Dipartiment  tal-Ekonomija fl-Universita’ ta’ Malta u rappreżentant ta’ din il-union fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) fi ħdan  l-Unjoni Ewropea.

Josef Vella tkellem ukoll dwar is-suq tax-xogħol u qal li għad għandna problema ta’ dawk l-istudenti li jħallu l-iskola qabel ma jagħlqu 16-il sena. Dawn iż-żgħażagħ qed joħorġu mis-sistema edukattiva b’nuqqas ta’ ħiliet u li qed ikun diffiċli għalihom biex isibu x-xogħol.

Hu qal li l-Gvern u l-partijiet interessati m’għandhomx biss jagħtu kas in-niċċa tal-Universita’ imma wkoll jindirizzaw in-nies li għandhom xi sengħa. Josef Vella rrikonoxxa li sar progress u titjib  fis-settur tal-avjazzjoni, dak marittimu u  l-farmaċewtika iżda qal li teżisti diskrepanza fost is-setturi ekonomiċi.

Hu qal li jekk inneħħu l-iGaming, is-servizzi finanzjarji u s-settur pubbliku, naraw li  l-paga  medja hi ta’ €16,000. Is-settur turistiku qed jipprovdi 22 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross imma l-paga medja qed tkun baxxa. Jidher li ż-żgħażagħ Maltin ma jridux  jaħdmu fil-catering għax is-salarji m’humiex attraenti. Min-naħa l-oħra lesti li, per eżempju, imorru jaħdmu l-Port Ħieles, bis-Sibtijiet u l-Ħdud, għax l-aspettattivi hemmhekk huma kbar u għax il-post tax-xogħol joffri pakkett ta’ inċentivi ferm aħjar.

Matul  il-laqgħa, saret diskussjoni dwar il-prekarjat u hawnhekk  Josef Vella fakkar fil-proposta tal-UĦM Voice of the Workers li għadha  ma ratx id-dawl tax-xemx.  Din il-union, sena wara oħra, ilha tħeġġeġ lill-Gvern sabiex jitwaqqaf portall fejn wieħed isib il-kuntratti tax-xogħol reġistrati. B’hekk il-liġi tax-xogħol u  l-prinċipju ta’ equal pay for a job of equal value jkunu applikati aħjar u enforzati bis-serjeta’

Min-naħa tiegħu, Michael Briguglio faħħar lill-UĦM Voice of the Workers għax tibbaża l-policies tagħha fuq  ir-riċerka u l-evidenza filwaqt li tħares fit-tul. Hu jaqbel mal-proposta tal-UĦM li tkun introdotta l-Pensjoni tat-Tieni Pilastru, pensjoni li  kienet diskussa f’leġislatura preċedenti iżda kienet twarrbet. Hu qal li din it-tip ta’ pensjoni trid tkun studjata iżjed. “Il-pensjoni tat-tieni pilastru hi l-unika triq ‘il quddiem għal pensjoni adekwata u sostenibbli”, sostna Michael Briguglio.

Il-kandidat tal-PN għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew żied li għandna nħarsu lejn l-ekonomija b’mod ħolistiku filwaqt li għandhom jiġu evalwati dawk is-setturi li jipprovdu valur miżjud.

Dwar il-proposta tal-UĦM biex jitwaqqaf portall ħalli l-liġi tax-xogħol tkun infurzata, Michael Briguglio hu favuriha għax permezz tagħha neliminaw l-isfruttar tal-ħaddiema u l-prekarjat.

Fil-laqgħa ssoktat id-diskussjoni dwar id-djalogu soċjali u l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers fakkar li din il-union taqbel li jkun hemm fondi  għar-riċerka biex id-djalogu soċjali f’pajjiżna jissaħħaħ. Dan biex il-UĦM u unions oħrajn ikunu infurmati tajjeb bil-ħsieb li jiddeċiedu aħjar.

Rigward l-għoli tal-ħajja, Michael Briguglio stqarr li l-mekkaniżmu tal-COLA huwa skadut. Josef Vella staqsa jekk hemmx rieda tajba sabiex dan il-mekkaniżmu jkun aġġornat għaż-żmien tal-lum.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll Edwin Balzan u Gian Paul Gauci, Assistenti Diretturi ta’ UĦM Voice of the Workers.