fbpx

Il-UĦM tisħaq biex is-salarji tal-ħaddiema tal-kuntrattur mal-Gozo Channel ikunu salvagwardjati

Il-UĦM Voice of the Workers, it-Tlieta 27 ta’ Novembru 2018, ippreżentat mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti sabiex jiġu salvagwardjati s-salarji tal-ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur Executive Security Services Ltd. abbord il-bastimenti tal-Gozo Channel.

Din il-union kellha tasal għal din id-deċiżjoni għax il-kumpanija Gozo Channel neħħiet lill-ħaddiema membri tal-UĦM mir-roster għax dawn kienu qed isegwu direttivi leġittimi ordnati mill-istess union.

Is-saga ta’ dan il-il-każ ilha għaddejja għal diversi xhur tant li kellha tinfetaħ investigazzjoni mid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER).

Il-UĦM Voice of the Workers ma tistax tifhem għaliex il-ħaddiema għandhom jgħaddu minn dan il-‘kalvarju’ kollu biex ikunu stmati daqs il-kollegi tagħhom impjegati mal-Gozo Channel li jagħmlu l-istess xogħol. Filwaqt li qed isegwu d-direttivi tal-UĦM, il-ħaddiema tal-kuntrattur qed ibatu minn intimidazzjoni ġenerali u saħansitra ġew akkużati li qed jagħmlu “vendikazzjoni mal-ħaddiema Għawdxin”. Dan mhux il-każ għax il-ħaddiema membri ta’ din  il-union huma kollha Għawdxin.

Il-UĦM Voice of the Workers se tibqa’ tissielet sal-aħħar sabiex issir ġustizzja mal-ħaddiema tal-kuntrattur li qed iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet diffiċli kawża tad-diskriminazzjoni li qed issir magħhom.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment