Il-UĦM ma ddawwarx wiċċha għall-qagħda inkwetanti f’pajjiżna


  April 28, 2017 11:09 pm

“Jekk indawru wiċċna għall-allegati każi ta’ korruzzjoni f’pajjiżna, ma nkunux qed nagħtu servizz lill-ħaddiema u fl-istess nifs inkunu qed inwasslu messaġġ ħażin”. Kliem Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers f’diskors waqt konferenza fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem li saret f’Torre Paulina, il-Madliena l-Ġimgħa 28 ta’ April 2017.

Josef Vella fisser  li l-UĦM Voice of the Workers tinsab imħassba dwar il-qagħda politika li qed tirrenja bħalissa  f’pajjiżna. Din il-union ħasset li  kellha tipparteċipa fl-aħħar protesta kontra l-korruzzjoni għax il-UĦM hi verament il-vuċi tal-ħaddiema.

B’referenza għall-iżvelar ta’ isem l-allegat sid  tal-kumpanija Egrant, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice  of the Workers  kien mistagħġeb bil-kummenti tal-Kummissarju tal-Pulizija għax flok investiga mar jiekol mal-ħbieb. “Esperjenzajna mument surreali.” Il-Kummissarju tal-Puliżija m’għandux jgħidilna li jaf jagħmel xogħolu imma minflok jattwah jew imqar jagħtina l-impressjoni li qed jaħdem.

Josef Vella qal li l-preżenza tal-UĦM fl-aħħar protesta nazzjonali ma kellha x’taqsam xejn  mal-politika. “Min  jakkuża lil din il-union li  hi affiljata mal-Partit Nazzjonalista, għandu memorja qasira għax l-oppost kien  intqal qabel  l-aħħar elezzjoni ġenerali meta l-għajdut kien li l-UĦM kienet qed  tappoġġja  lill-Partit Laburista,” fisser Josef Vella. Il-UĦM ma hi affiljata ma ebda partit politiku u tikkritika lil kull gvern fejn hu l-bżonn. Ħadd ma jgħid lil din il-union x’għandha tagħmel. Il-UĦM hi lesta li taħdem ma’ kulħadd imma ma hi l-pupazz ta’ ħadd.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li meta tara ‘sħaba sewda’ fuq il-pajjiż il-union ma tistax tibqa’ siekta, ma tagħlaqx ħalqha. Din il-union qed tħabbat wiċċha ma mistoqsijiet fuq is-sitwazzjoni preżenti kull darba li tkun f’kuntatt ma’ uffiċjali ta’ unions barranin. Is-sitwazzjoni preżenti tista’ tikkawża ħafna periklu fuq l-impjiegi. Il-UĦM tosserva li bħalissa qed nilgħabu bil-kisbiet li ġew frott il-ħidma ta’ gvernijiet preċedenti.

Fid-diskors tiegħu, Josef Vella faħħar l-assertivita’ tal-ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir li qabżu għal drittijiethom filwaqt li żied li l-UĦM ma taċċetta lil ħadd li jkasbar lill-ħaddiema.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers semma l-kors akkreditat fit-trejdunjoniżmu li se jkun qed isir permezz ta’ FSS Ltd, il-fergħa edukattiva tal-UĦM Voice of the Workers. Hu qal li ma nistgħux inkunu professjonali bil-kliem biss imma bl-attitudni  u bis-servizz ta’ kwalita’ li jingħata lill-membri. Il-kors akkreditat fit-trejdunjoniżmu se jservi ħalli jinstabu persuni li jkunu  lesti ħalli jservu lill-oħrajn.

Dwar il-FSS Ltd, Josef Vella qal li l-mira hi li sas-sena d-dieħla din  il-kumpanija sussidjarja tagħha issir istitut sabiex tħarreġ  u tgħin lill-ħaddiema żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Il-UĦM, permezz ta’, FSS Ltd. ħadet sehem fi skemi tax-xogħol bħal il-Work Programme u fil-Garanzija taż-Żgħażagħ imma ma pparteċipatx fi  skemi tal-komunita’ li joħolqu l-prekarjat.

Josef Vella reġa’ saħaq dwar  il-bżonn li  jkunu  introdotti l-pensjonijiet tat-Tieni Pilastru u dan minkejja li  l-Gvern preżenti kien  insista li tali pensjonijiet jistgħu  jheddu  l-kompetittivita’ tal-pajjiż. “Jeħtieġ li fil-wirt  nazzjonali nħallu l-Pensjoni tat-Tieni Pilastru”, sostna Josef Vella filwaqt li esprima l-kritika tiegħu li l-unions l-oħrajn  mhumiex qed jappoġġjaw dawn  il-pensjonijiet. Il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers qal li għalkemm il-Gvern ma laqax il-proposta tagħha dwar  il-pensjonijiet  tat-tieni pilastru, il-union qed tħejji studju bl-għajnuna ta’ Dr. Philip von Brockdorff, il-konsulent tagħha dwar l-ekonomija u rappreżentant tal-union fil-EESC,  kif ukoll ta’ Prof. Iain Clacher mill-Universita’ ta’ Leeds.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers  tkellem dwar il-qagħda fil-Wasteserv u stqarr li l-union ma tixgħelx il-makna meta partit partikulari  jkun  fil-gvern. “Din  il-union ħadmet  taħt  kull  leġislatura b’risq il-ħaddiema tal-Wasterserv  u l-makni  tagħna huma dejjem startjati”, sostna Josef Vella,

Dwar il-każi  li  din il-union  ikollha fil-Qorti, Josef Vella rringrazzja lill-Avukat Ian Spiteri Bailey, l-għajnuna legali  tal-union, li ħadem kontinwament  u  għadu jassisti lill-UĦM b’serjeta’ liema  bħala. Rigward it-Tribunal Industrijali, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers  qal li wasal iż-żmien li l-Gvern jieħdu bis-serjeta’ u jaħtar chairpersons kompetenti mhux persuni li mhumiex aġġornati fil-liġi.

Josef Vella  kompla li l-union irnexxielha ssemma leħinha fuq l-aġġustament fil-paga minima. Hu saħaq li kienu  biss il-UĦM Voice  of the Workers u l-Assoċjazzjoni  ta’ Min Iħaddem  (MEA) li ppreżentaw proposti fuq din  il-kwistjoni. Kienet ukoll fuq inistenza tal-UĦM Voice of  the Workers li l-ftehim, li proprju kien  iffirmat fl-istess jum li fih ittellgħet il-konferenza ta’ din il-union  għal Jum il-Ħaddiem, ukoll se jkun  qed iwaqqaf  kummissjoni sabiex tirrevedi l-paga  minima kull erba’ snin.

Josef Vella stqarr li  l-ftehim dwar l-aġġustament fil-paga  minima mhux is-soluzzjoni għall-prekarjat. Il-Kap Eżekuttiv  fakkar  fil-proposta  li kien  għamel fil-budget u li tikkonsisti f’portal li tkopri l-kuntratti tax-xogħol bl-iskop li ma  jkunx hemm abbuż. Il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM  Voice of  the  Workers qal li l-proposti għall-budget ma  jsirux għall-paroli imma  biex dawn  jissarrfu għall-ħaddiema u l-familji tagħhom. Josef Vella appella lill-Gvern  sabiex isolvi l-problema tal-prekarjat mill-aktar  fis.

Josef Vella wkoll għamel referenza għall-ftehim li l-Gvern għamel ma’ Vitals Group Healthcare.  Il-UĦM tinsab kburija li ma ffirmat ebda ftehim li għandu  numru ta’ paġni ċċensurati. “Il-Gvern  ippretenda li niffirmaw ftehim li qatt ma rajnih  u wara xhur nitolbu lill-Gvern  biex  jgħaddilna kopja tal-ftehim, insibu li dak li kien pubblikat kellu diversi partijiet  minnu ċċensurati”.

Dwar l-Airmalta, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the  Workers qal li  l-ħaddiema huma ddisprati u sostna li jkun żball jekk il-linja nazzjonali tal-ajru tingħata lill-barranin. Hu saħaq biex  il-Gvern jistinka biex l-Airmalta  tibqa’ tagħna   l-Maltin  u allura għandu jiżdied il-kapital sabiex ikun hemm pjan  ta’ azzjoni bis-serjeta’. “Sur Gvern, tilgħabx man-nar, tarmix lill-ħaddiema, oħloq strateġija,”saħaq Josef Vella.

Intant, aktar qabel fil-konferenza, saru diversi preżentazzjonijiet awdjoviżivi, fosthom, dwar ħidmet  il-union matul is-sena  li għaddiet  kif ukoll dwar  il-koperattivi u l-pensjonijiet – żewġ pilastri prinċipali tal-UĦM Voice of the Workers.

Fi tmiem l-avveniment, saret l-inawgurazzjoni ta’ vann mill-aktar modern sabiex jintuża bħala uffiċċju mobbli. Dan bl-iskop li l-UĦM Voice of the Workers  tilħaq il-membri tagħha fid-diversi postijiet tax-xogħol f’Malta u f’Għawdex.