Il-UĦM aġixxiet b’mod responsabbli u diliġenti


  November 13, 2018 2:02 pm

Joseph Castillo, Noel Ciantar, Martin Francalanza, Francis Laus, Dr. Rita Micallef, John Mifsud, Margaret Muscat, John Salamone Reynaud, Cynthia Scerri u Andrew Scicluna – ilkoll professjonisti fil-qasam tas-Saħħa – fl-2013 kien fetħu kawża għal danni pretiżi ta’ €500,000 kontra l-UĦM Voice of the Workers, fejn dehrilhom li:-

  • Huma jitilgħu Skala u ma jħallu lil ħadd jilħaqhom u dan a skapitu ta’ 44 ħaddiem ieħor li kienu eliġibbli għal din il-promozzjoni;
  • Huma ppretendew li għalkemm il-Gvern kien nieda riforma sħiħa fil-professjonijiet tagħhom – li kien ifisser 54 promozzjoni fl-ogħla skala possibbli – għaxra biss kellhom ikunu eliġibbli;
  • Wara li ġie ffirmat il-ftehim, dawn l-istess għaxar ħaddiema baqgħu jagħmlu pressjoni politika sabiex tgħaddi tagħhom tant li lejlet l-elezzjoni tal-2013, il-UĦM irċeviet addendum li kien jiddiskrimina favurihom.

Il-UĦM Voice of the Workers  saħqet  li l-ftehim settorali, kif ġie ffirmat,  kien sottopost għal vot demokratiku tal-membri li kienu jaqgħu taħt dan il-ftehim. Il-union enfasizzat li l-vot hu sovran fuq  kull interessi oħrajn u dan anki ta’ dawn l-għaxar impjegati. Il-UĦM kienet dejjem lesta li tiddiskuti u dan dejjem sabiex ma jnaqqas xejn mill-interessi tal-bqija tal-ħaddiema.

Il-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon,  iddeċidiet fis-sentenza tagħha nhar it-Tlieta 30 ta’ Ottubru, li:-

  • Mingħajr l-iċken esitazzjoni, il-UĦM Voice of the Workers aġixxiet b’mod responsabbli u diliġenti;
  • Wettqet l-obbligi fiduċjarji tagħha meta mxiet skont l-istatut tagħha;
  • Ma ppreferiet lil ebda membru fuq ieħor u lanqas ma ppreġudikat membru kontra ieħor;
  • Il-Qorti wkoll sabet li ma kien bl-ebda mod ippruvat għas-sodisfazzjon tagħha li l-UĦM Voice of the Workers aġixxiet in male fede;
  • Kien ippruvat li wara li kien iffirmat il-ftehim, il-union kienet disponibbli għal bdil fil-ftehim dment li l-membri l-oħrajn tagħha ma jkunux preġudikati kif ukoll li tibqa’ leali sal-aħħar mal-vot li ttieħed. L-addendum li kien sar mal-ftehim kien miċħud għax kien imur kontra dan kollu.

Matul il-proċess kollu tal-każ, il-UĦM Voice of the Workers kienet assistita mill-Avukat Ian Spiteri Bailey.