Il-management tas-sick leave hu prerogattiva ta’ min iħaddem


  March 16, 2018 9:23 am

“Il-management tas-sick leave  hu l-prerogattiva tal-uffiċjali fl-HR u mhux tat-tabib.” Dan kien wieħed mill-punti li ġie enfasizzat waqt seminar bit-tema Sick Leave  Management in Today’s Working Environment, organizzat mill-Kumitat tar-Riżorsi Umani fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, nhar il-Ħamis 15 ta’ Marzu 2018.

It-Tabib David Attard qal li, bħala konsulent tas-saħħa lill-industrija, ir-rwol tat-tabib tal-kumpanija jinvolvi l-konsiderazzjoni tal-perikli ambjentali fil-post  tax-xogħol. Hu stqarr li t-tabib tal-kumpanija għandu  jkollu relazzjoni tajba ma’  min iħaddem u mal-unions. It-Tabib Attard saħaq dwar l-importanza li t-tabib tal-kumpanija jkun jaf lill-ħaddiem.

Hu tkellem dwar l-effetti tax-xogħol fuq is-saħħa tal-ħaddiem u żied li  l-management tas-sick leave hu prerogattiva ta’ min iħaddem. Dwar in-nuqqas tal-ħaddiema mill-post tax-xogħol minħabba mard, it-Tabib Attard stqarr, fost oħrajn, li l-attitidni ħażina ta’ min iħaddem fuq il-ħaddiema hi raġuni għaliex ħaddiem ma jirrappurtax għax-xogħol.

It-Tabib Attard qal li ċ-ċertifikazzjoni  minn ċertu tobba tal-familja ddeterjorat u numru ta’ ħaddiema qed jingħataw ġimgħa sick leave bla bżonn. Hawn xejra fejn ħaddiem imur  biex jikseb ċertifikat minn tabib  li jpoġġi fi spiżerija jew minn tabib kwalunkwe li jservi minn Ċentru tas-Saħħa. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan, hu jixtieq jara relazzjoni iktar personali bejn it-tabib u l-pazjent.

John Zammit Montebello, tabib tal-familja u membru fl-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familja, qal li li kwistjonijiet  li jridu jkunu indirizzati fil-postijiet tax-xogħol huma dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ kunfidenzjalita u l-abbuż minn sustanzi illegali. Hu saħaq li mhux kull sick leave huwa abbużiv

Yakob  Zahra, Direttur tad-Diviżjoni (People Support and Wellbeing), People and Standards fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, stqarr li d-Direttorat jirċievi notifiki ta’ min japplika għas-sick leave u jsir skrutinju ta’ min verament jabbuża. Hu qal li ċ-Ċivil irid janalizza aktar x’inhuma x-xejriet fis-sick leave, b’enfasi partikulari fuq il-motivazzjoni u s-sodisfazzjon tax-xogħol.

Ray Debattista, Executive HR ma’ Bank of Valletta, qal li l-Bank jitratta kull każ ta’ sick leave skont il-mertu tiegħu. Hu qal li l-BOV jagħti leave speċjali lil dawk il-ħaddiema li jkollhom marda sejra. Għal dawk li jkunu fuq is-sick leave, il-BOV jagħti l-appoġġ meħtieġ u jindirizza dawk il-każijiet ta’ abbuż. L-istituzzjoni bankarja wkoll tagħti kas ta’ dawk il-każi fejn ħaddiem ikun qed  ibati minn  mard mentali.

Lara Pace, Associate ma’ Ganado Advocates, tkellmet dwar il-General Data Protection Regulation (GDPR) u l-qafas legali abbinat mal-ħarsien tal-informazzjoni li għandu x’jaqsam mas-saħħa.  Hi saħqet dwar l-importanza ta’  informazzjoni sensittiva u kunfidenzjali li  għandha x’taqsam mal-ħaddiem.

Fit-tieni parti tas-seminar tqajmet diskussjoni bis-sehem tat-Tabib Attard, Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Ray Debattista, Yakob Zahra u t-Tabib Montebello.

Josef Vella appella lill-HR managers biex ma jħallux l-abbuż tas-sick leave milli jibqa’ għaddej. Meta l-HR managers isejħu għal laqgħa dwar dan, ikunu qed iwasslu messaġġ li l-kumpanija qed tindirizza l-abbuż. “Ejja ma jkollniex sitwazzjoni fejn l-eżempju l-ħażin ikaxkar”, sostna Josef Vella.

It-Tabib Attard stqarr dwar l-importanza li t-tabib tal-kumpanija  jkun jaf lill-ħaddiema. “Ma rridux inħarsu biss lejn  kwistjonijiet mediċi imma rridu nagħtu kas ta’ każijiet bħal bullying mis-superjuri fil-post  tax-xogħol jew inkwiet fil-familja,” sostna t-Tabib Attard. Hu saħaq dwar il-bżonn li HR Managers ikunu  jafu, kemm jista’ jkun, l-istorja tal-ħaddiema.

L-Avukat Matthew Brincat qal li trid tiddaħħal kultura f’Malta li l-HR Managers ma jibqgħux jagħmluha ta’ tobba u jieqfu milli ‘jinvestigaw’ għaliex il-ħaddiema jieħdu s-sick leave. Hu allega li ċertu tobba qed joħorġu ċ-ċertifikati mediċi bl-addoċċ u appellalhom biex ikunu professjonali f’xogħolhom u ma jabbużawx milli jagħtu jiem żejda bħala sick leave. Hu qal l-akbar kwistjoni li qed twassal għas-sick leave hi l-istress fil-post  tax-xogħol u jkun tajjeb li postijiet tax-xogħol jagħtu kas tas-saħħa mentali  tal-impjegati tagħhom.

Skont it-Tabib Zammit Montebello l-eta’ medja ta’ tabib tal-familja hi 44 sena u żied li x-xejra għad  tkun li n-numru ta’ tobba tal-familja jonqos fis-snin li ġejjin. Din ix-xejra għad tpoġġi pressjoni fuq is-saħħa primarja.

Il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers qal li jekk ma jkunx hemm appoġġ mill-familja, il-ġenituri jridu jaraw x’se jagħmlu biex jieħdu ħsieb uliedhom li jkunu morda. Hu qal li qed ngħixu f’dan ix-xenarju għax iż-żewġ ġenituri jinsabu fis-suq tax-xogħol; saħansitra anki n-nanniet għadhom jaħdmu. Josef Vella qal li kieku m’hawnx iċ-child care centres kieku l-problemi jkunu agħar. Hu tkellem dwar l-importanza tas-sigħat  flessibbli u hawn irrefera għall-mudell Nordiku fejn wieħed mill-ġenituri hu/hi lest/a li jaħdem/taħdem part-time sabiex ilaħħaq/tlaħħaq mal-esiġenzi tal-familja. Hu żied li għalkemm post tax-xogħol jimpjega eluf ta’ ħaddiema, ma jfissirx li ma jistax ikun  hemm relazzjoni personali mal-ħaddiema.

Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, fisser il-bżonn li wieħed mill-ġenituri jkun preżenti f’każ li l-ulied ikunu  morda. Hu tkellem dwar l-importanza tar-raġel li jagħżel sigħat  flessibbli biex ikun  aktar responsabbli fil-ħarsien tal-ulied. Hu qal li jrid ikun  hemm element  ta’ fiduċja bejn  min iħaddem u l-ħaddiema fit-teħid tas-sick leave.

Waqt il-ħin tal-mistoqsijiet, it-Tabib  Joe Pace, li għamel żmien  bħala tabib ta’ kumpanija, qal li t-tobba  ma jistgħux jikkontrollaw l-abbuż. Hu qal li tabib ma jistax jieħu riskji u jrid jiċċertifika lill-ħaddiema meta dawn ikunu morda. Eżempju fil-kontroll tal-abbuż hu l-ġabra u l-analiżi kwalitattiva tal-informazzjoni. Hu qal li tabib tal-familja għandu jedd li jċempel lill-impjegat u jgħarrfu li jista’ jkollu t-tabib tiegħu preżenti meta jmur biex jinvistah. Sfortunatament, qal it-Tabib Pace, it-tobba  tal-kumpaniji mhumiex qed jimxu ma’ din id-direttiva  tal-Kunsill Mediku.

It-Tabib  Zammit Montebello stqarr  li l-ewwel u qabel kollox hu jivvaluta l-ħarsien tal-pazjent, irrelevanti minn fejn jitħallas.

Tabib ieħor li kien fl-udjenza għamel distinzjoni bejn tabib  tal-familja u  tabib  tal-kumpanija. Hu qal li jekk ma noqogħdux attenti, in-numru ta’ tobba tal-familja se jonqos drastikament.

It-Tabib Attard saħaq li l-HR managers għandhom jingħataw taħriġ dwar kif jittrattaw sitwazzjonijiet fit-teħid tas-sick leave mill-ħaddiema.