Il-ħaddiema tal-MIP se jibbenefikaw minn fond annwali ta’ €25,000 fit-taħriġ kontinwu


  December 6, 2017 10:18 am

Fond ta’ €25,000 fis-sena għal taħriġ kontinwu tal-ħaddiema li jaħdmu mal-Malta Industrial Parks (MIP) hu wieħed mill-kisbiet li tħabbru waqt l-iffirmar ta’ ftehim kollettiv li sar bejn il-UĦM Voice of the Workers u l-MIP.

Dan il-ftehim kollettiv ġie ffirmat wara sensiela ta’ laqgħat li saru bejn it-Taqsima Entitajiet Pubbliċi fi ħdan il-UĦM, il-management tal-MIP u d-dipartiment li jirrapreżenta l-amministrazzjoni ċentrali tal-Gvern (IRU).

Hu ta’ sodisfazzjon għall-partijiet kollha li, b’rieda tajba, il-UĦM Voice of the Workers iffirmat dan il-ftehim kollettiv li jinkludi kisbiet finanzjarji ġodda għall-ħaddiema tal-MIP.

Ma’ dawn, il-ftehim kollettiv il-ġdid se jkun qed jipprovdi żidiet fil-kumpens tal-kwalifiki, l-introduzzjoni ta’ aktar sigħat flessibbli għall-ħaddiema kif ukoll żieda fl-istudy leave.

Barra minn hekk ġew indirizzati anomaliji fil-proċess tad-dixxiplina. Il-ftehim kollettiv gie iffirmat wara li ġie spjegat fid-dettall u approvat mill-ħaddiema membri.

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv kien hemm Jesmond Bonello, u Antoinette Aquilina, Direttur u Employment Relations Manager rispettivament, kif ukoll Gian Luca Callus u Sharon Buttigieg, Employment Relations Representatives, ilkoll għan-nom ta’ UĦM Voice of the Workers.

Rudolph Psaila, Chairman u Karl Azzopardi, Kap Eżekuttiv, kienu l-firmatarji f’isem il-management  tal-MIP.