Il-ħaddiema tal-Caritas se jgawdu minn titjib fis-salarji permezz ta’ ftehim kollettiv ġdid


  December 7, 2017 12:33 pm

Il-ħaddiema fi ħdan il-Caritas se jibbenefikaw minn salarji u kundizzjonijiet aħjar wara ftehim kollettiv li ġie ffirmat fil-jiem li għaddew minn UĦM Voice of the Workers u l-istituzzjoni tal-Knisja li taħdem qatigħ  biex tippromwovi l-iżvilupp tal-bniedem  u l-ġustizzja soċjali.

Dan  il-ftehim ġie spjegat u approvat mill-maġġoranza tal-ħaddiema f’laqgħa li saret ftit ġranet qabel  l-iffirmar.

It-Taqsima Edukazzjoni u Kura fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers tinsab  sodisfatta li l-livell ta’ diskussjonijiet u negozjati li saru mal-management tal-Caritas issarraf f’dan il-ftehim kollettiv ġdid li se jwassal għal żieda fil-ħlasijiet lill-ħaddiema.

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv kien hemm Mario Sacco u Isabelle Farrugia, Employment Relations Senior Manager u Employment Relations Manager rispettivament kif ukoll Reuben Degabriele, Employment Relations Representative – ilkoll fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers.

Il-firmatarji għan-nom tal-Caritas kienu Leonid McKay, Direttur; Patrick Harvey, Direttur tal-HR u Ritianne Cassar, Financial Controller.

Il-ftehim kollettiv ikopri l-perijodu 2017-2020.