Il-Gvern għandu jonora l-ftehim kollettiv tal-ispiżjara tal-Gvern


  October 25, 2017 10:07 am

Il-UĦM Voice of the Workers bħalissa qed tordna numru ta’ azzjonijiet industrijali għall-Ispiżjara tal-Gvern peress li l-Ministeru tas-Saħħa ddeċieda li jinjora għal kollox il-Ftehim Kollettiv bejn il-Gvern u din il-union.  Mhux hekk biss għax il-Gvern ħareġ diversi sejħiet, kif għoġbu hu, bl-iskop li jagħżel nies li mhumiex kwalifikati ħalli jagħmlu x-xogħol skont l-istess ftehim.

Dan seħħ wara li l-Union kienet irrifjutat talba mill-Gvern ħalli tagħlaq għajnejha u tħalli lill-Gvern sabiex jagħti promozzjoni lil min irid hu mingħajr id-dritt ta’ għażla skont il-proċedura stabbilita. Dan ifisser li ħaddiema li huma eliġibbli għal promozzjoni jkunu intitolati għal intervista li ma tħarisx lejn  l-uċuh imma lejn l-abbiltajiet tan-nies. Għalhekk l-għażla ssir b’mod ġust.

Intant, il-UĦM Voice of the Workers ukoll ilha x-xhur titlob li jsiru laqgħat mal-Gvern fuq it-tiġdid tal-Ftehim Kollettiv. Tali talba, għalkemm intlaqgħet mill-Gvern, għadha pendenti peress li l-Gvern qiegħed jinjora t-talbiet għal-laqgħat.

Il-UĦM Voice of the Workers temmen li l-promozzjonijiet għandhom jingħataw abbażi ta’ meritokrazija u fuq ebda kriterju ieħor għajr dawk diġà stabbiliti.

Għaldaqstant, il-UĦM Voice of the Workers qed tordna lill-ispiżjara sabiex l-ispiżeriji tal-Gvern jinfetħu siegħa tard, ma jiġux ipproċessati applikazzjonijiet għall-kartuna s-safra u ma jiġux mwieġba telefonati. Din  il-union mhux teskludi li żżid l-azzjonijiet industrijali minn nhar it-Tnejn li ġej.